Ġie mniedi proġett bl-isem ‘Responsabbiltà Soċjali’; proġett li jinvolvi numru ta’ laqgħat bejn studenti u anzjani, sabiex titnaqqas is-solitudni fost l-anzjani filwaqt li jissaħħaħ is-sens ta’ responsabbiltà fost l-istudenti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet, li fiha ġie spjegat li dan il-proġett qed jiġi organizzat minn St Catherine’s High School, b’kollaborazzjoni mar-Residenza San Vinċenz de Paul.
Fil-proġett se jkunu qed jipparteċipaw mal-mitt student mis-snin tal-Junior 5 u 6, u se jkunu qed jiltaqgħu ma’ ħamsin resident mir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Joe Etienne Abela ,tkellem dwar l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn, li jħallu impatt soċjali fuq iż-żgħażagħ u anke fuq l-anzjani.
“L-għan ta’ dan il-programm huwa li jkun hemm relazzjonijiet tajbin u sħaħ bejn il-ġenerazzjonijiet. Huwa importanti ħafna li ż-żgħar tagħna jitgħallmu minn età żgħira xi jfisser li tkun anzjan u kemm hi importanti l-kura f’dan is-settur.”
Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett, u qal li dan kien xprunat mill-fatt li numru ta’ studji wrew li dawn it-tip ta’ attivitajiet jgħinu biex l-anzjani jsaħħu l-fiduċja tagħhom filwaqt li, fl-istess ħin, iżidu aktar il-kuntatt soċjali.
Il-Ministru awgura li dan il-proġett jirnexxi u li jħalli l-frott fil-ħajja kemm tal-anzjani kif ukoll taż-żgħażagħ.