Waqt il-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew Malti, Ian Borg saħaq li l-Mediterran għandu jibqa’ fuq l-aġenda tad-diskussjoni tal-Unjonin Ewropea.
Dwar dan, il-Ministru Ian Borg saħaq li l-Mediterran Ċentrali qed ikompli jesperjenza pressjonijiet u l-migrazzjoni hija sfida għall-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk iridu jiġu mfittxija soluzzjonijiet fil-livell Ewropew b’mod ħolistiku.
F’isem pajjiżna, il-Ministru Ian Borg awgura għal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent. Dan hekk kif il-Ministri tal-Affarijiet Barranin iddiskutew il-Balkani tal-Punent, bi tħejjija għas-Summit tal-Mexxejja li se jsir f’Tirana, l-Albanija fis-6 ta’ Diċembru. Malta saħqet fuq il-ħtieġa ta’ inizjattivi u riżultati viżibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Il-Ministru Borg irrefera wkoll għall-pakkett riċenti ta’ appoġġ fl-enerġija, mniedi mill-Kummissjoni Ewropea, u l-ftehimiet iffirmati f’Berlin mis-sitt pajjiżi li se jiffaċilitaw il-moviment ħieles fi ħdan ir-reġjun.
F’dan il-Kunsill ġiet diskussa wkoll il-gwerra fl-Ukrajna, fejn anki għamel intervent il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren, Dmytro Kuleba. Hawnhekk pajjiżna saħaq dwar l-importanza li tiġi żgurata r-responsabbiltà fl-Ukrajna, fejn l-atroċitajiet iridu jiġu investigati bir-reqqa. Il-Ministru Borg sostna li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jridu jkomplu jkunu sostnuti mill-għaqda. Matul il-mandat tagħha bħala Membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta se tkompli tenfasizza li l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna jridu jiġu rispettati.
F’dan il-Kunsill ġew diskussa wkoll is-sitwazzjonijiet fl-Iran, il-Libanu u anki l-laqgħa dwar it-tibdil fil-klima tan-Nazzjonijiet Uniti, il-COP27.
Fil-marġini tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin il-Ministru Ian Borg kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Annalena Baerbock.