Il-Malta Football Association u l-Bank of Valletta ħabbru li l-BOV Super Cup se tintlagħab nhar il-Ħamis 8 ta’ Diċembru f’Għawdex.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja tagħha li s-Super Cup mhix qed tintlagħab f’Malta u se tara liċ-champions tal-Kampjonat BOV Premier tal-istaġun li għadda Hibernians u lir-rebbieħa tal-Izibet FA Trophy Floriana jikkompetu għat-Tazza.
Il-‘BOV Super Cup – Gozo Edition’ tnediet uffiċjalment mill-Viċi President tal-MFA Matthew Paris u Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta Ernest Agius fil-preżenza ta’ Dr Samuel Azzopardi, President tal-Gozo Football Association, L-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni u L-Onor Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex.
Bħala parti mill-attivitajiet assoċjati ma’ din l-inizjattiv, se tinħoloq penalty area f’it-Tokk fir-Rabat Għawdex, fejn dawk preżenti se jkollhom l-opportunità jippruvaw jiskurjaw penalty kontra numru ta’ goalkeepers li se jkunu preżenti dakinhar, għal donazzjoni żgħira għall-karità.