F’konferenza dwar il-kura li tingħata fi djar residenzjali lil tfal u l-adoloxxenti ġiet diskussa l-importanza li t-tfal fir-residenzi jingħataw l-opportunità u l-ispazju li jiffurmaw relazzjonijiet stabbli minn età żgħira minkejja l-esperjenzi ta’ stress u ansjetà li jkunu għaddew minnhom.
Fost id-diversi professjonisti u ħaddiema soċjali li ħadu sehem kien hemm Father Louis Mallia, li jieħu ħsieb id-dar residenzjali ta’ San Ġużepp, li tkellem dwar kif il-kura residenzjali hija bżonn.
“Il-ġid tat-tifel x’inhu? Biex nagħtuh l-aħjar ġurnata, l-aħjar f’ħajtu? Li jkun f’residential care? Li jkun ġo fostering? Li jkun adottat? Jew, ovvjament, li jkun fil-familja tiegħu l-aħjar? Inħoss jien li skoprejna li f’soċjetà li trid tħobb u trid tgħin lil kulħadd l-esperjenza mat-tfal hija li tagħtihom l-aħjar u dak li hu ta’ ġid għalihom, allura ta’ ġid għalihom jista’ jkun ukoll ir-residential care.”
Il-gvern Malti jmantni madwar tmien djar residenzjali fejn diversi tfal u adoloxxenti jingħataw attenzjoni u mħabba kif ukoll għandhom spazju fejn jistgħu jiżviluppaw ħiliethom sabiex jibnu futur sigur.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għall-politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li għamel enfasi fuq l-aktar prinċipju ta’importanza f’dan ir-rigward.
“Il-prinċipju kardinali jibqa’ wieħed: li l-interess tat-tfal għandu jiġi dejjem l-ewwel.”
Il-Ministru Falzon spjega li l-Gvern investa tmintax-il miljun ewro f’għajnuna diretta lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tal-Knisja li jamministraw numru ta’ djar residenzjali.
Apparti hekk, ġie assigurat li persuni li laħqu l-età maġġuri ta’ tmintax-il sena, xorta waħda jibqgħu jingħataw assistenza fejn ikun meħtieġ, fosthom li jibqgħu jgħixu fi djar residenzjali biex dawn ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol.