Fix-xhur li ġejjin il-flotta tal-karozzi tal-linja se tiżdied b’25 vettura ġdida bl-għan li tal-linja jkunu aktar effiċjenti u jkopru iżjed rotot. Dawn il-vetturi l-ġodda se jkunu kollha kemm huma elettriċi.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru.
Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll meta se jkunu lesti żewġ proġetti maġġuri li bħalissa għaddej ix-xogħol infrastrutturali fuqhom.
“Inkomplu nħarsu li nlestu l-Imrieħel sa Diċembru ta’ din is-sena u l-Ajruport u Kirkop sa Ġunju tal-2023. Sibna delays, iva, imma d-deadlines huma ċari u quddiemna.”
Fost ir-raġunijiet għad-dewmien kien hemm sejbiet arkeoloġiċi u d-dewmien tal-wasla ta’ materjal minn barra minn Malta.
Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-metro, u qal li bħalissa qed isir studju ta’ €100,000 dwar jekk il-mudell ekonomiku japplikax għal pajjiżna. Saħaq li kollox qiegħed isir b’mod trasparenti.
Qal ukoll li, fis-settur tal-avjazzjoni, qed tinħoloq ekosistema waħda bil-Politika dwar l-Avjazzjoni Ċivili u bil-Master Plan għall-Ajruport.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Edward Zammit Lewis innota li fl-aħħar xhur kienu diversi l-kumpaniji tal-ajru li investew f’pajjiżna.
“Ġibna, f’dawn l-aħħar ġimgħat, attirajna Challenge Aircargo, Euro Wings, u Wizz Air, li ġew biex jistabbillixxu f’pajjiżna. Dawn irridu nsemmuhom, dawn huma frott l-isforzi li qed isiru mis-Civil Aviation Directorate, sforzi tajbin illi qed iħallu l-qligħ tagħhom.”
Id-deputat Rosianne Cutajar tkellmet dwar il-miżura tat-trasport pubbliku bla ħlas.
“In-numri, l-aħħar darba li kelli l-opportunità anki li nara ftit in-numri fir-rigward ta’ dan l-inċentiv il-ġdid, jidher ċar li din il-miżura qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Infatti, aktar nies qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.”
Id-deputat Omar Farrugia qal li għandu jkun hemm iżjed diskussjoni dwar dan is-suġġett, anki biex ikun hemm bidla fil-kultura.
“Li jtejjeb fejn seta’ sar aħjar u li nkomplu niddiskutu, nisimgħu, u nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet sabiex inkomplu mexjin ’il quddiem.”