Qorti fl-Iran ħarġet l-ewwel piena ta’ mewt lil persuna arrestata, talli ħadet sehem fil-protesti li saru fil-pajjiż.
Il-midja statali qed tirrapporta li l-hekk imsejjħa Qorti Rivoluzzjonarja f’Tehran sabet li l-persuna akkużata, li ma ssemmietx b’isimha, tat in-nar lil faċilità tal-gvern u li kienet parti mill-“għedewwa kontra Alla”.
Qorti oħra tat sentenza ta’ ħabs lil ħames persuni. Is-sentenzi ta’ bejn ħames u 10 snin huma fuq akkużi relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubblika.
Grupp tad-drittijiet tal-bniedem wissa li l-awtoritajiet jistgħu jkunu qed jippjanaw “eżekuzzjonijiet mgħaġġlin”.
Mill-inqas 20 persuna bħalissa qed jiffaċċjaw akkużi li huma puibbli bil-mewt. Grupp li jaqbeż għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u li hu bbażat fl-Ewropa appella lill-komunità internazzjonali biex tieħu azzjoni urġenti u “twissi bil-qawwa lir-Repubblika Iżlamika dwar il-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ dimostranti”.