Meta tkellem dwar il-politika dwar il-migrazzjoni fil-Mediterran, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern baqa’ konsistenti u ilu xhur twal jgħid li s-soluzzjoni għal din il-problema hi li jkun hemm azzjoni kkordinata biex titwaqqaf l-attività illegali tat-traffikar tal-bnedmin u jiġu salvati eluf ta’ ħajjiet.
Dr Abela qal li dan il-messaġġ qed jinftiehem minn pajjiżi oħra. Osserva li, b’mod ġenerali, pajjiżi oħra qed jirrikorru għall-istess strateġija bħal ta’ pajjiżna, mhux biss dwar il-migrazzjoni, imma wkoll b’rabta mal-pandemija, quddiem il-gwerra fl-Ukrajna, u quddiem il-kriżi tal-enerġija.
“Ngħid b’mod ġenerali, ukoll, kemm numru ta’ pajjiżi qegħdin jieħdu l-istess strateġiji li ħa pajjiżna f’diversi setturi,” qal il-Prim Ministru.
“Insemmi din il-kwistjoni tal-migrazzjoni, insemmi mbagħad l-approach illi ħadna aħna fil-bidu tal-pandemija, jiġifieri fuq livell ġenerali fejn, konna kontra total lockdown. Insemmi l-kwistjoni fejn warrabna l-politika tal-awsterità u morna bil-politika ta’ inċentiv. Insemmi l-politika li addottajna meta bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, li ninċentivaw u ma nħallux il-prezzijiet jogħlew fil-qasam tal-enerġija u tal-fjuwils, u qed naraw kif ħafna pajjiżi qed isegwu dak li qed jagħmel pajjiżna.”