Raġel ta’ 52 sena minn Wied il-Għajn, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli b’akkużi ta’ vjolenza domestika.
Il-każ allegatament seħħ nhar is-Sibt li għadda, meta l-akkużat u t-tifel mhux bioloġiku tiegħu argumentaw fuq żraben li tħallew fin-nofs.
Fil-Qorti, l-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li, malli għadda l-ħin, it-tifel mar ipaċi mal-akkużat, iżda r-raġel ipponta pala tal-metall lejn għonq it-tifel. Ingħad ukoll li l-argument eskala u omm it-tifel intervjeniet billi imbuttat lill-akkużat sabiex tiddefendi lil binha.
Konsegwentement, ir-raġel xejjer daqqa ta’ ponn f’wiċċ il-mara. Hija kellha bżonn il-punti fuq il-kappell t’għajnejha, filwaqt li bid-daqqa spiċċat ukoll bl-abjad t’għajnejha mdemmi.
Ir-raġel wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.
L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-biża’ ta’ tbagħbis tal-provi filwaqt li talbet għall-protezzjoni tal-allegati vittmi.
Il-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, tat il-protezzjoni lill-omm u lil binha sakemm tingħata s-sentenza finali, filwaqt li r-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000.