Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, permezz tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-Istandardizzazzjoni tal-Aperturi tal-Bini Residenzjali f’Malta.
L-istandardizzazzjoni tad-dimensjonijiet tal-aperturi interni u esterni tal-bini se jsir bil-għan li jkun inkoraġġat l-użu mill-ġdid tal-fittings, flimkien ma’ miżuri oħra li jnaqqsu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-kostruzzjoni.
Is-sena li għaddiet, l-ERA ppubblikat l-Istrateġija dwar l-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ għal Malta. Din għandha l-għan li tindirizza l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni f’Malta, u tistabilixxi standards għar-rimi ta’ dan it-tip ta’ skart.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-istandards tal-aperturi qed jiġu proposti wara konsultazzjonijiet mal-ERA, l-Awtorità tal-Ippjanar, u l-Building Industry Consultative Council (BICC).
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni wettqet il-proċess meħtieġ għat-tfassil ta’ dawn l-istandards. Il-konformita ma’ dawn l-istandards għandha tkun rekwiżit essenzjali għall-ħruġ ta’ Permess ta’ Żvilupp Eżegwit mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Permezz tal-konsultazzjoni pubblika, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se tifhem aħjar l-opinjonijiet tal-produtturi u d-disinjaturi tal-aperturi. B’hekk il-Gvern ikun jista’ jistabbilixxi t-triq lejn sistema tal-immanigjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u żvilupp effiċjenti u effettiv.
L-Awtorità nediet dokument tekniku, li huwa disponibbli online fuq bca.org.mt. Dawk kollha interessati huma mħeġġa jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, li jintemm fit-28 ta’ Novembru 2022.