Aktar suċċessi għat-tim Valletta Subbuteo Club, hekk kif fi tmiem din il- ġimgħa kienu qed jipparteċipaw fil-Major turnament ġewwa Franza.
Is-Sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet individwali fejn fil-kategorija Open ir-rebbieħ kien il-plejer Belġjan ta’ VSC Christophe Dheur. Samuel Bartolo kien ukoll semifinalist, fejn fi logħba tas-semifinali inqala mal-istess Christophe Dheur. Fil-kategorija tal-Veterani Mario Camilleri wasal sal-kwarti tal-finali, hu tilef bl-iskor ta’ 2-0 kontra ir-rebbieħ ta din il-kategorija Gianfranco Calonico.
Il-Ħadd kien imiss il-kompetizzjonijiet tat-timijiet, fejn Valletta Subbuteo Club kienu r-rebbieħa ta’ dan il-Major turnament. Fil-kwarti tal-finali ltaqu mat-tim Malti ieħor Bormla SC, fejn Valletta rebħu bl-iskor ta’ 4-0. Fis-semifinali lgħabu kontra t-tim Taljan CCT Eagles u rebħu bl-iskor ta’ 3-1. Il-finali kienet waħda missielta kontra t-tim Belġjan ta’ ST Stembert. Din il-finali spiċċat bl-iskor ta’ 2-2 iżda Valletta Subbuteo club ħarġu r-rebbieħa b’differenza ta’ gowl. Valletta Subbuteo club kienu iffurmati mil-kaptan Samuel Bartolo, Mark Gauci, Mario Camilleri, Christophe Dheur u Ludovic Phontieux.
Jurgen Balzan fil-finali tal-Major of Paris 2022
Intant il-plejer malti Jurgen Balzan ukoll kien qed jipparteċipa fit-turnament tal-Major ta’ Franza. Is-sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet individwali u Balzan inqalgħa mal-aħħar sittax fil-kategorija Open, kontra Samuel Bartolo bl-iskor ta’ 3-1.
Il-Ħadd kien hemm il-kompetizzjonijiet tat-timijiet. Jurgen Balzan flimkien mat-tim tiegħu ST Stembert wasslu sal-finali. Fil-kwarti tal-finali lgħabu kontra FTC Caen 4-0. Fis-Semifinali kontra t-tim Taljan SC Salernitana 2-1. Il-finali kienet waħda kombatuta kontra t-tim Malti Valletta Subbuteo Club, fejn spiċċat bl-iskor ta’ 2-2 imma Valletta kienu r-rebbieħa b’differenza ta’ gowl. St Stembert kien iffurmat minn Pascal Scheen, Daniel Scheen, Jurgen Balzan, Tony Braham, Melina Scheen u Romain Scheen.