Fil-ġimgħat li ġejjin, se titnieda konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali dwar il-kura paljattiva.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt li kien qed jindirizza l-ewwel konferenza dwar il-kura paljattiva fil-pedjatrija f’Malta, li saret fl-Isptar Mater Dei.
Fil-konferenza, Chris Fearne spjega li f’Malta, tnax fil-mija tal-imwiet isiru fi djar privati. Numru sostanzjali minn dawn l-imwiet, huma ta’ persuni b’mard terminali li jagħżlu li jibqgħu jgħixu f’darhom fl-aħħar ta’ ħajjithom, waqt li jirċievu l-kura paljattiva.
Għaldaqstant, saħaq fuq l-importanza ta’ diskussjoni wiesgħa dwar il-kura paljattiva, biex ikun assigurat li jsir dak kollu possibblu biex dawn il-persuni jqattgħu l-aħħar perjodi ta’ ħajjithom bl-iżjed mod komdu.
Qal, “L-istrateġija ħa tkun qed tiffoka ħafna fuq kura paljattiva tal-aħħar ġranet tal-ħajja ġo darna stess, fejn l-aktar li aħna mdawrin b’nies li nafu u li nħobbu f’ambjent familjari. Ħa nkunu qed naħdmu biex ikollna timijiet ta’ nies speċjalizzati li flimkien mat-tabib tal-familja u flimkien ma’ qrabatna, ikunu jistgħu jagħtuna dik il-kura fl-aħħar ta’ ħajjitna ġo ambjent li verament inkunu mdorrijin fih.”
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lil kull min jaħdem f’dan il-qasam u appella biex kulħadd jieħu sehem fid-diskussjoni, biex din il-kura tant sensittiva, tkompli tissaħħaħ.
Qal, “F’dawn il-ġranet ħa nkun qiegħed nitlob lil kull min hu interessat, biex ladarba noħorġu d-dokument tal-konsultazzjoni, intom ukoll tagħtuna l-veduti tagħkom biex ikollna strateġija soda għas-snin li ġejjin.”