“L-età hija biss numru”.
Hekk qaltilna Doris Cannataci, anzjana ta’ disgħin sena; xempju tal-anzjanità attiva.
Is-Sinjura Cannataci ilha minn meta rtirat, tistudja u tagħmel korsijiet differenti fl-Università.
Poġġejna magħha madwar il-mejda tal-kċina, fejn bi tbissima ħaditna lura għal żgħożitha, meta minn dejjem xtaqet tistudja l-Università.
Qalet, “Meta wasalt biex nidħol l-Università ma stajtx għax l-Università kienet tiftaħ kull tliet snin u jien kien baqagħli sentejn x’nistenna. In the meantime mardet ommi u ridt indur biha imbagħad sadanittant tgħarrast, iżżewwiġt u kelli familja allura mbagħad l-Università riedet tistenna. Imbagħad malli rtirajt, għidt issa wasal iż-żmien li dak li ma stajtx nagħmel qabel sittin, nibda nagħmlu issa.”
Ta’ wieħed u sittin daħlet tagħmel kors ta’ sena part-time. Minn dakinhar ma ħarsitx lura, għax wara li ġabet degree u żewġ masters, kompliet timraħ fl-istudji tagħha.
Qalet, “Meta kelli r-riżultati u dejjem ikunu ta’ kuraġġ għalija, għidt mela issa nagħmel id-dottorat. U komplejt. Ħadt id-dottorat meta kelli 82 sena.”
L-anzjana qaltilna li għaliha, l-istudju huwa passatemp u fl-istess ħin iżżomm aġġornata mad-dinja tal-lum.
Qalet, “Illum ir-riċerka m’għadnix wisq immur kif kont immur qabel il-libreriji, illum ir-riċerka nagħmel ħafna minnha mid-dar għax nagħmilha fuq l-internet.”
L-omm ta’ żewġt itfal u nanna ta’ tlieta, qaltilna li filwaqt li l-appoġġ mill-familja huwa importanti, tieħu pjaċir li jservu ta’ kuraġġ għal xulxin, għaliex bl-istess mod li n-neputijiet jinkoraġġuha tkompli tistudja, hekk ukoll hi sservi ta’ ispirazzjoni għalihom.
Qalet, “Jiena pożittiva ħafna jiġifieri dak jgħinni ħafna fil-ħajja u nkompli miexja ’l quddiem għax għalija la nista’, inkompli għaddejja bl-affarijiet tiegħi. Għalija l-età hija numru biss.”