Massimo Grixti ta’ tlieta u tletin sena mill-Belt inżamm arrestat wara li allegatament instab fil-pussess ta’ tlieta u tletin qartas eroina u wieħed u ħamsin qartas kokaina, għal skop ta’ tqassim. Huwa wieġeb mhux ħati.
L-akkużat ġie arrestat is-Sibt fuq suspett mill-Pulizija, u meta qalulu li se jagħmlu tfittxija fuqu, ħarab jiġri.
Grixti, li qal li ma jaħdimx, hedded lill-Pulizija li fittxulu d-dar bil-mejtin, iżda wara qal li jiddispjaċih.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono argumentat li l-liġi tgħid “trattament mhux priġunerija”, u l-imputat ma kiser ebda kundizzjoni imposta fuqu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li dawn l-akkużi jġorru piena numeruża u erbgħa u tmenin qartas bid-droga, setgħu affettwaw erbgħa u tmenin żagħżugħ Malti.
L-akkużat li qal li għandu l-vizzju tad-droga, għandu bosta reati simili fil-fedina penali tiegħu.