Omm ta’ erbatax-il tifel u tifla, nanna ta’ aktar minn tletin u bużnanna ta’ aktar minn għoxrin ruħ.
Dawn kollha sawru ċ-ċentinarju ta’ Vincenza Lia fuq din l-art, li fil-jum tal-Ħadd, iċċelebrat il-mitt sena tagħha ma’ dawk l-aktar għeżież għaliha.
Vincenza żżewġet waqt il-gwerra qalb xita ta’ bombi u għamlet tmenin sena miżżewġa, sakemm romlot madwar għaxar snin ilu.
ONE News żar lill-anzjana fid-dar tagħha waqt festin f’għeluq sninha. Hija rrakkontat magħna kif avolja qatt ma kienet sinjura, dejjem rabbiet lit-tfal f’għożża flimkien ma’ żewġha u dejjem irsistew biex jaraw li ma jonqoshom xejn.
Qalet, “U għadda kollox b’wiċċ il-ġid u rabbejt it-tfal u rabbejthom tfal sewwa. Il-ġirien kienu jgħiduli qatt ma rajt tfal kwieti daqs tiegħek u jobdu. Ikollok bżonn ta’ xi ħaġa jagħmlulek u qatt ma ġellduni man-nies.”
B’nostalġija, l-anzjana qasmet magħna episodji minn tfulitha li jfakkru kif it-trobbija nbidlet matul iż-żmien.
Qaltilna li hi u ħutha kienu jagħmlu l-almu tagħhom biex iġibu xi ħaġa tal-flus id-dar, minkejja li kienu għadhom tfal żgħar.
Deċenji wara, imdawra bit-tfal, neputijiet u pro-neputijiet, Vincenza ċċelebra l-ħajja li bniet, f’ċelebrazzjoni li tixhed l-imħabba li kienet u għadha mdawra biha f’dawn l-aħħar għaxar deċenji.