F’temp mill-isbaħ kienu diversi ċkejknin, adulti u klieb li ħonqu t-toroq tal-Baħrija sabiex jiċċelebraw il-festa ta’ San Martin.
Iżda dan ir-raħal mhux biss jiċċelebra festa tradizzjonali bħall-irħula l-oħra iżda sena wara sena jtella’ fiera.
Charles Sammut, wieħed mill-voluntiera rrakkontalna li l-fiera ilha tittella’ għal madwar sebgħin sena għaliex il-popolazzjoni tal-Baħrija kienet qed tikber u l-komunità kienet tinqeda biss b’kappella.
Fil-Knisja ta’ San Martin, Sammut qalilna kif evolviet din it-tradizzjoni tal-fiera.
Qal, “Jiġu ħafna artiġġjanat Malti hawnhekk, jiġu bi prodotti lokali, ħafna jagħmlu ġbejniet u l-inbid tagħhom hawnhekk tal-Baħrija u jinbiegħu. Barra minn hekk, nagħtu lok it-talent Malti, għamilna minn madwar il-ħdax u nofs ta’ filgħodu sa madwar il-ħamsa, jiġu gruppi ta’ tfal ikantaw u jiżfnu sabiex nippromwovu t-talent Malti wkoll.”
U propju dak huwa li rajna, artiġjanat Malti u talent Malti hekk kif iltqajna ma’ Antoine Vella li kien qed jaħdem tapit bis-sengħa tal-insiġ.
Qal, “Ħa ngħidu hekk, jien illum nagħmel twapet, nagħmel throwovers, kutri, nagħmel ħafna xogħol imma però fl-antik bin-newl kien isir kull biċċa drapp tal-għonnella iġifieri, tal-għarusa, qlugħ, kollox kien isir bin-newl qabel. Biss biss nikkalkula, ngħidlek li 60% tan-nisa, fl-antik qabel l-1920 kienu kollha relatati max-xogħol tan-newl.”
Għall-kuntlarju, illum il-ġurnata, Antoine spjegalna li apparti hu, hemm persuna oħra biss li taħdem din is-sengħa fuq bażi full-time, iżda huma t-tnejn ħadu r-responsabbilità li jgħallmu aktar nies din is-sengħa tant interessanti.
Ftit ‘l isfel minn Antoine sibna diversi żgħażagħ Bastjaniżi Qormin li telgħu l-Baħrija apposta li kienu qed ibiegħu qastan inkaljat.
Kurt Desira, wieħed miż-żgħażagħ spjegalna l-proċess ta’ kif jiġi misjur dan l-ikel li huwa popolari mmens f’din il-festa.
Qal, “Nuru l-kapaċitajiet li qed nuru l-aspett tradizzjonali kif għandu jsir il-qastan. L-ewwel inqattgħu ħalli ovvjament il-qastan ma jinfaqax meta jkun qiegħed fin-nar, nitfgħuh fl-ilma, imbagħad biex, jinfetaħ u tieħu n-nutrienti tiegħu, kif imbagħad titfgħu fuq il-grilja dan as such, isir u kif nafuh aħna Maltin, jiġi inkaljat u nieħdu l-mod tradizzjonali tiegħu mbagħad kif jiġi mittiekel.”
Desira temm jgħidilna li qastan inkaljat huwa popolari mmens fil-festa ta’ San Martin imma kulħadd iħobbu misjur differenti.