Huwa stmat li persuna minn kull ħamsa f’Malta għandha l-kundizzjoni tad-dijabete. Dan filwaqt li bosta persuni ma jafux li għandhom din il-kundizzjoni.
Għalhekk, sabiex jiżdied l-għarfien fuq din il-kundizzjoni, kull sena din titfakkar permezz tal-Jum tal-Għarfien tad-Dijabete fl-erbatax ta’ Novembru.
Ftit jiem qabel dan il-jum, l-Assoċċjazzjoni Maltija għad-Dijabete tellgħet seminar dwar din il-kundizzjoni, b’emfasi fuq il-konsegwenzi tagħha fuq sieq il-vittma.
Din hija waħda mid-diversi kundizzjonijiet li skont il-President tal-Assoċċjazzjoni Maltija għad-Dijabete, Chris Delicata, tagħmel il-ħajja ferm aktar diffiċli għal min hu dijabetiku.
“Id-dijabete ġġib magħha diversi kumplikazzjonijiet, fosthom fis-sieq, fiċ-ċirkulazzjoni, u jistgħu ikunu komplikazzjonijiet koroh għax jista’ jaffettwa anke l-għixien ta’ dak li jkun. Jekk il-kontroll ma jkunx wieħed tajjeb jista’ jagħti l-każ ukoll li jkun hemm f’każijiet serji, amputazzjoni tas-sieq.”
Wieħed mill-kelliema f’dan is-seminar kien id-dijabetoloġista, Dr David Coppini, li spjega ma’ ONE News kif bħal kull marda u kundizzjoni oħra, il-prevenzjoni hija ferm aħjar mill-kura.
Waħda mis-sintomi komuni għall-persuni li jkollhom konsegwenzi avvanati tad-dijabete, tinvolvi l-feriti fis-saqajn, li għalkemm ikunu qed jigravaw, ma jinħassux. F’dawn il-każijiet, huwa mportanti ferm li wieħed jiċċekkja dawn is-sintomi.
Dr Coppini għalaq b’appell lill-pubbliku kollu, sabiex filwaqt li jżomm dieta bilanċjata, jagħmel testijiet regolari anke jekk ma jkollux sintomi.
“Lil dawk il-pazjenti li għandhom ir-riskju, li għandhom problema tal-piż, li għandhom storja fil-familja, ġenituri, nanniet, zijiet u oħrajn, li jkollhom xi sintomi, per eżempju jqumu ħafna bil-lejl u jmorru t-toilet, jew iħossu l-għajja persistenti jew għatx, ikunu jistgħu jagħmlu t-test. Ilum it-test huwa sempliċi, kull ma trid tagħmel huwa blood test wieħed, li jurik il-kontroll taz-zokkor fit-tliet xhur ta’ qabel.”