Kollox jinsab lest biex mit-Tnejn erbatax ta’ Novembru, impjant ġdid f’Ħal Far jibda jilqa’ l-kontenituri tax-xorb użati, li se jinġabru permezz ta’ aktar minn 300 magna madwar il-pajjiż.
Dan huwa possibbli wara li l-kumpanija privata BCRS Malta għamlet investiment ta’ €18-il miljun, li jinkludi l-hekk imsejħa ‘reverse vending machines’. Dawn il-magni se jkunu madwar il-pajjiż u anki f’dan l-impjant, li għandu tagħmir speċjalizzat li jista’ jippakkja dawn il-flixken tax-xorb biex jiġu esportati għar-riċiklaġġ.
L-għan huwa li pajjiżna jirriċikla iżjed flixken tax-xorb li jintużaw darba. Huwa stmat li, sal-2026, disgħa minn kull għaxar flixken tax-xorb ikunu qed jiġu riċiklati.
Ftit qabel din l-iskema tidħol fis-seħħ, ONE News żar dan l-impjant il-ġdid f’Ħal Far u tkellem mal-Kap Eżekuttiv, Edward Chetcuti.
Huwa spjega li l-konsumatur, apparti l-prezz li bih jixtri flixkun, se jibda jħallas depożitu ta’ għaxar ċenteżmi u wara li jitfa’ dan il-flixkun fir-reverse vending machines, jieħu flusu lura.
“Il-konsumatur, imbagħad, għandu l-opportunità li jieħu lura t-10 cents kollha. Dan lanqas hu suġġett għall-VAT u jieħdu lura billi jirritorna dan il-kontenitur vojt f’waħda mit-320 reverse vending machines li ġew installati madwar Malta u Għawdex. Il-kontenitur irid ikun sħiħ, mhux mgħaffeġ, vojt, ikollu l-barcode jidher, u jkun irid ikun, ovvjament, parti mill-iskema.”
Fil-każ tal-istabbilimenti tal-catering, id-depożitu għandu jkunu miżjud biss jekk il-kontenitur tax-xorb jinħareġ mill-istabbiliment mill-konsumatur stess. Dan filwaqt li meta jkun ikkunsmat fil-post, il-konsumatur m’għandux iħallas id-depożitu u l-istabbiliment għandu jżomm il-kontenituri tax-xorb u għalhekk l-istess stabbiliment ikun jista’ jieħu lura d-depożitu meta dawn il-kontenituri jintbagħtu lura lil BCRS.
Edward Chetcuti spjega li fost l-affarijiet aċċettati se jkun hemm kontenituri tal-ilma, tas-soft drinks, tal-energy drinks, u tal-birer, fost oħrajn.
Mill-banda l-oħra, il-kontenituri mhux aċċettati se jkunu dawk tal-inbejjed, tal-ispirti, tal-juices, tal-prodotti tal-ħalib, u dawk f’kartuna.
AĊĊETTATI
– ILMA
– SOFT DRINKS
– ENERGY DRINKS
– BIRER U CIDERS
– DILUTABLES
– XORB BIT-TOGĦMA
– KAFÈ LEST BIEX JINXTOROB
MHUX AĊĊETTAT
– INBEJJED
– SPIRTI
– JUICES
– PRODOTTI TAL-ĦALIB
– KARTUNA U POUCHES
Edward Chetcuti spjega kif din l-iskema se tkun qed tgħin sabiex il-kontenituri jiġu rriċiklati.
“B’din l-iskema se nkunu qegħdin niġbru dawn il-kontenituri mingħajr ma jitħalltu ma’ skart ieħor, ma jiġux kontaminati forsi minn affarijiet oħra. Il-vannijiet u trakkijiet li se jinġarru se jkunu għalihom biss, jiġifieri ma jiġux ikkontaminati u impjant ġdid f’Ħal Far huwa dedikat biss għal dawn il-kontenituri tax-xorb.”