Żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena residenti x-Xagħra, Għawdex weġġa’ serjament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fix-Xewkija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart tas-Sibt filgħodu.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Starlet, misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti x-Xewkija, u Suzuki Swift, misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti x-Xagħra. Konsegwenza tal-impatt, is-Suzuki ħabtet ukoll ma’ ħajt.
Fit-Toyota, kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ tmintax-il sena residenti x-Xewkija.
It-tliet ġuvintur ittieħdu lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex minn tim mediku għall-kura meħtieġa.
Iż-żgħażugħ ta’ dsatax-il sena ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, filwaqt li l-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ tmintax-il sena għadha mhux magħrufa.
Dwar dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ħatret inkjesta.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.