Il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, qal li pajjiżna ma kienx fil-periklu meta lbieraħ kien qed jittajjar fir-reġjun tal-Mediterran ajruplan li fuqu kellu passiġġier suspettuż.
Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet meta kien mistoqsi minn ONE News dwar l-ajruplan, tal-linja tal-ajru Emirates, li kien f’titjira minn Ateni lejn l-Istati Uniti imma kellu jdur lura lejn Ateni minħabba passiġġier suspettuż.
Il-Ministru Camilleri qal li l-forzi tas-sigurtà Maltin ġew mgħarrfa li kien hemm ajruplan suspettuż. Dan l-ajruplan għadda minn viċin Sqallija, dar madwar Sardinja, u għadda viċin l-ispazju tal-ajru ta’ Malta. Immedjatament, f’Malta daħlu fis-seħħ il-protokolli tas-sigurtà.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li fuq pajjiżna qatt ma kien hemm periklu għax dan l-ajruplan baqa’ mal-linja u ma daħalx fil-flight information zone ta’ pajjiżna. Lanqas ma qatt ma tkellem mal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru ta’ pajjiżna. Xorta waħda kien hemm uffiċjali fuq allert li segwew lil dan l-ajruplan.