Fix-xahar sinonimu max-xiri bl-iskontijiet minħabba l-Black Friday, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nediet pjattaforma ġdida online li tiġbor firxa wiesa’ ta’ negozji lokali f’post wieħed li diġà bdew joffru l-iskontijiet marbuta ma’ din il-ġurnata.
Dan is-sit elettroniku, blackfridaymalta.eu, diġà qed jagħti viżibilità lil mitejn kumpanija u negozju fis-suq lokali, u dawk li jixtiequ jżidu s-servizzi u l-iskontijiet tagħhom, jistgħu joħolqu profil minn fuq il-pjattaforma stess.
Is-servizzi offruti min-negozji li diġà jinsabu fuq din il-pjattaforma huma diversi, minn servizzi ta’ manutenzjoni għal dawk tas-saħħa u s-sbuħija, korsijiet onlajn u appliances.
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, qal li dan huwa żmien ideali għan-negozji f’Malta u f’Għawdex biex wara l-budget, u qabel il-Milied, jesperenzaw żieda fil-bejgħ.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li kull deni ħudu b’ġid u grazzi għall-pandemija, in-negozji f’pajjiżna nvestew b’mod mgħaġġel ħafna fl-aspett diġitali tagħhom.
Innota kif din il-pjattaforma qed tiġbor lin-negozji lokali f’post wieħed biex in-nies, mill-kumdità ta’ darhom, ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi u jixtru dak li jkollhom bżonn.
Huwa kellu messaġġ ta’ kuraġġ għan-negozji, u appella lin-nies biex jagħmlu x-xiri tagħhom mis-suq lokali.