Ġie ffirmat ftehim sabiex binja storika fil-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, li se tiġi restawrata, tibda toffri esperjenza edukattiva.
Il-binja, li s’issa kienet magħluqa għal kollox għall-pubbliku, issa se tiġi amministrata mill-organizzazzjoni Nature Trust biex tintuża bħala spazju li fih se jsiru attivitajiet u proġetti adattati b’mod partikolari għat-tfal. Dan l-ispazju se jagħti kas tal-abbilitajiet differenti tat-tfal għax huwa wieħed aċċessibbli kemm għal min għandu diżabilità fiżika kif ukoll għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Il-President tan-Nature Trust, Vincent Attard, irrimarka li l-organizzazzjoni tiegħu laqgħet din l-idea ta’ ċentru edukattiv b’dirgħajn miftuħin.
Qal, “Ħa jitgħallmu jagħmlu pruning ta’ siġar, kif jagħmlu ċerti proġetti li huma bħalissa qed jagħmlu wkoll fl-iskejjel, bħalissa qed jagħmlu fl-iskejjel, biex isebbħu l-komunitajiet. Se jkollna wkoll attivitajiet relatati mal-ilma li huma, pereżempju, ħafna minnhom qed jagħmlu proġetti biex iżommu l-ilma. Hawnhekk għandna eżempju sabiħ, ġibjun antik – se jkunu qed jaraw kif jaħdem. L-idea hija li aħna ’l-istudenti nagħtuhom l-għodda biex huma mhux biss jitkellmu fuq l-ambjent imma jistgħu jagħtu sehemhom biex ikomplu jtejbu.”
Dan iċ-ċentru ta’ edukazzjoni fil-Ġnien Romeo Romano se jagħti l-opportunità lit-tfal biex jedukaw ruħhom iżda b’mod u manjiera aktar informali.
Qalet, “Hija l-viżjoni tagħna wkoll li naraw li noffru spazju lit-tfal fejn jistgħu jitgħallmu dwar l-ambjent, ’il-bogħod mill-bankijiet tal-iskola u fl-ambjent naturali nnifsu u allura flimkien ma’ Ekoskola rajna li binja li inizjalment kienet se tinbena f’kitchen garden, inbidel f’hub edukattiv dwar l-ambjent fejn it-tfal tagħna jistgħu jinqalgħu barra mill-iskola u jiġu jitgħallmu proprju f’ambjent naturali.”
Il-Ministru Dalli spjegat li dan il-proġett se jqarreb lill-istudenti lejn in-natura filwaqt li joffri sens ta’ trankwillità fil-qalba ta’ żona urbana.
Il-Ministru Dalli spjegat li dan il-proġett ta’ ċentru ambjentali se jqarreb lill-istudenti lejn in-natura filwaqt li r-restawr tal-ġnien se joffri post ieħor għall-familji, b’sens ta’ trankwillità fil-qalba ta’ żona urbana.
Hi spjegat ukoll li, sabiex il-Gvern iwettaq il-wegħda elettorali li jinvesti €700 miljun f’aktar ġonna u spazji miftuħa fis-seba’ snin li ġejjin, is-sena d-dieħla se titwaqqaf aġenzija li se tikkordina ħidma bejn diversi entitajiet, fosthom kunsilli lokali, biex twettaq diversi proġetti differenti, minn pocket parks bħaldak li għadu kif infetaħ f’San Ġwann, għal spazji akbar, bħall-Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, li tlesta s-sajf li għadda.
Preżenti għalt-tnedija kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca, li sostna fuq il-bżonn li jinħoloq bilanċ bejn il-wirt arkitettoniku u t-tgawdija tal-ispazju, b’mod partikolari, mit-tfal.
Ix-xogħlijiet fuq dan l-ispazju, fosthom xogħol ta’ restawr, qed jitmexxew mill-Greenserv filwaqt li l-entità Parks Malta se tkun responsabbli għall-manutenzjoni.