Il-budget għas-sena d-dieħla fih diversi miżuri soċjali li jolqtu eluf kbar ta’ persuni, iżda fih ukoll numru ta’ miżuri li forsi ma tantx issemmew, imma li jolqtu faxex differenti fis-soċjetà.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ċertezza u Stabbiltà, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar tmien miżuri partikolari maħsuba biex jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Familji vulnerabbli
L-ewwel miżura li semma l-Ministru hija mmirata għal min qiegħed fuq il-benefiċċji soċjali. Minn din is-sena, dawk li jiddependu fuq l-assistenza soċjali, għall-ewwel darba rċevew iż-żieda tal-għoli tal-ħajja kollha. Mis-sena d-dieħla wkoll din se tibqa’ fis-seħħ u dawn il-benefiċċji se jiżdiedu b’disa’ ewro u disgħin ċenteżmu oħra fil-ġimgħa.
Inkomplu nnaqqsu d-dipendenza soċjali
Fl-aħħar snin, aktar minn disat elef persuna li kienu jgħixu fuq l-assistenzi soċjali gawdew minn bosta inċentivi li ddaħħlu biex jinfatmu mid-dipendenza soċjali u jibdew jaqilgħu l-għajxien tagħhom mix-xogħol.
Waħda minn dawn l-inċentivi kienet it-tapering tal-benefiċċji, li biha, min ikun qed jieħu l-assistenza soċjali ma tiqaflux f’daqqa meta jibda jaħdem iżda tonqoslu gradwalment fuq tliet snin. Is-sena d-dieħla dan l-inċentiv se jkompli jissaħħaħ billi dak li jkun, jibqa’ jirċievi 10% aktar tal-benefiċċju fit-tliet snin imsemmija. B’hekk, fl-ewwel sena tax-xogħol jibqa’ jirċievi 75% tal-benefiċċju, fit-tieni sena 55% u fit-tielet sena 35%.
Ġustizzja ma’ min jieħu ħsieb qarib anzjan
Persuni waħedhom li jgħixu għal rashom fuq l-assistenza soċjali u jmorru jgħixu ma’ qarib anzjan biex jieħdu ħsiebu, jaraw tnaqqis fid-dħul tagħhom jekk ikunu jikkwalifikaw għall-Allowance għal Carers mhux miżjuda.
Mis-sena d-dieħla, dawn il-persuni xorta se jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel u b’hekk se titneħħa din l-anomalija.
Krediti tal-bolol għal dawk fuq l-Allowances tal-Carers
Persuni li jikkwalifikaw għall-Allowance tal-Carers Miżjuda jew għall-Allowance tal-Carers mhux miżjuda, kienu jikkwalifikaw għall-krediti tal-bolol li jgħoddu għall-pensjoni għall-perjodu li jkunu qed jieħdu xi waħda minn dawn l-allowances, jekk qabel dan iż-żmien ikunu ħallsu medja ta’ mill-inqas 20 bolla fis-sena minn meta jkunu għalqu 18-il sena.
Mis-sena d-dieħla, din il-medja se tinżel għal 15-il bolla fis-sena biex aktar persuni jibbenefikaw minn dawn il-krediti.
Rikonoxximent tad-dritt għall-Allowances tal-Carers ta’ persuni li jgħixu flimkien
Id-dritt għall-Allowances tal-Carers għall-persuni miżżewġa li jkunu qed jieħdu ħsieb il-konjugi tagħhom, se jiġi estiż għal persuni li jippruvaw li jkunu ilhom jgħixu flimkien bħala koppja għal mill-inqas għaxar snin u jkunu meqjusa li jgħixu f’koabitazzjoni rreġistrata.
Krediti ta’ bolol lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
Mis-sena d-dieħla, persuni li jiġu għall-pensjoni u ma jkunux ħadmu għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18 u 30 u jkunu ċċertifikati li matul dak il-perjodu jkunu ħadu kura regolari minn psikjatra, se jibdew jieħdu sentejn krediti ta’ bolol.
Dritt għal benefiċċji short-term lill-ħaddiema li jieħdu l-pensjoni tar-romol
Sal-lum ħaddiema li jkunu qed jieħdu l-pensjoni tar-romol għax ikunu romlu żgħar mhumiex intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, mard jew korriment fuq ix-xogħol. Mis-sena d-dieħla, dawn se jkunu jistgħu jiġu intitolati għal dawn il-benefiċċji wkoll jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.
Dritt għal għajnuna medika bi ħlas lill-benefiċċjarji tal-benefiċċji tal-mard u tal-qgħad
Persuni li ma jkunux f’impjieg jew li jkunu qed jirċievu l-benefiċċju kontributorju tal-qgħad jew tal-mard, se jibdew jibbenefikaw mill-Għajnuna Medika bi ħlas mis-sena d-dieħla.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn il-miżuri ma jolqtux eluf ta’ persuni bħaż-żieda fil-pensjonijiet jew iċ-children’s allowance, imma huma importanti biex jagħtu l-imbutattura meħtieġa lil persuni li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet li jagħmluhom vulnerabbli.