Il-Gvern qed juri biċ-ċar l-impenn tiegħu biex iċ-ċittadin igawdi minn qrati iktar effiċjenti.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta – Ċertezza u Stabbiltà”.
Il-Ministru Attard qal li s-sena d-dieħla l-Ministeru għall-Ġustizzja se jkollu budget ta’ ftit inqas minn €50 miljun – żieda ta’ sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Din l-allokazzjoni għas-sena d-dieħla hija tliet darbiet aktar minn dak li kien ġie allokat fl-aħħar budget ta’ gvern Nazzjonalista.
Il-Ministru ta rendikont tal-miżuri li tħabbru fil-Budget għas-sena d-dieħla, fosthom l-inawgurazzjoni ta’ żewġ awli ġodda, waħda fil-qasam tal-kriminal u l-oħa dil-qasam tal-familja, biex tkompli tiżdied l-effiċjenza fis-smigħ tal-ġurijiet fil-Qrati.
“Żieda ta’ awla oħra, li se tkun attrezzata u adegwata għall-kamp kriminali, se tkun awla kriminali li ċertament se jkun hemm bżonnha iktar minn qatt qabel, anke fid-dawl ta’ riformi li huma pjanati u li qed naħdmu fuqhom fiż-żmien li ġej.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal ukoll li, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, se toħroġ sejħa pubblika biex jiġi identifikat x’siti disponibbli u adegwati hemm biex jiġi ospitat il-Qorti ta’ Għawdex.
Il-Ministru żied jgħid li, biex tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-Qorti u tissaħħaħ il-Ġudikatura, inħarġet sejħa għal żewġ imħallfin u żewġ maġistrati ġodda.
Il-Ministru Jonathan Attard spjega wkoll li uffiċini ġodda li ġew inawgurati fil-binja tal-Qorti se jkunu qed jservu bħala l-uffiċċju għal żewġ ġudikanti u għall-istaff tagħhom.
Il-Ministru Attard qal li matul is-sena li ġejja, l-Gvern se jinvesti għaxar miljun ewro biex il-qrati jkunu iktar aċċessibli.
“Dan l-investiment se jkun ta’ għajnuna għall-ġudikanti u l-impjegati fil-Qorti fit-tħaffif ta’ dak li huwa proċess ġudizzjarju, u b’hekk ċittadini jgawdu minn ġustizzja iktar aċċessibli u effiċenti.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Johan Galea, li semma numru ta’ miżuri u inizjattivi li se jsiru mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru, b’attenzjoni speċjali għall-proċess tad-diġitilizzazzjoni.