F’laqgħa li kellha mal-Prim Ministru Robert Abela, ir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-libertà tal-midja, Teresa Ribeiro, innutat il-ħidma li saret u li qed tkompli ssir f’pajjiżna favur it-tisħiħ tal-libertà u tal-funzjoni importanti li taqdi l-midja.
Fil-laqgħa, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru semma għadd ta’ riformi li saru f’sentejn u fi żmien sfidi globali bla preċedent biex ikomplu jissaħħu l-qafas istituzzjonali, il-governanza, u anki s-settur tal-midja.
Il-Prim Ministru spjega l-proċess tal-preżentazzjoni tal-abbozzi li jagħtu l-aqwa protezzjoni li qatt ingħatat lill-midja u lill-ġurnaliżmu Malti fl-istorja. Huwa qal li, wara li l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia, inħoloq Kumitat ta’ Esperti dwar is-Settur tal-Midja, li huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika.
Il-Prim Ministru rrimarka li kien hemm qbil wiesa’ kemm mal-familja Caruana Galizia kif ukoll mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (l-IĠM) dwar il-kompożizzjoni tal-membri tal-Kumitat ta’ Esperti u t-termini ta’ referenza tal-istess Kumitat.
Qal ukoll li, wara li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat imsemmi waslu għand il-Gvern, fil-Parlament tressqu tliet abbozzi ta’ liġi li jżidu l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Fakkar li l-Gvern laqa’ 87 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti. B’dawn l-abbozzi, Malta qed tkun pijuniera fl-Unjoni Ewropea billi qed tintroduċi l-anti-SLAPP fil-liġi Maltija, apparti pieni iżjed ħorox għal reati fuq il-ġurnalisti.
Fil-laqgħa ġie rrimarkat ukoll li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għal aktar konsultazzjoni fi spirtu ta’ aktar koperazzjoni. Għalhekk, l-abbozzi ta’ liġi fil-fatt baqgħu fl-istadju tal-ewwel qari.
Dr Abela qal ukoll li l-Gvern jibqa’ impenjat li jagħmel ir-riformi għax jemmen tassew li l-libertà tal-espressjoni u l-irwol tal-midja huma sisien importanti f’soċjetà demokratika. Saħaq ukoll li jirrikonoxxi u jilqa’ bis-saħħa l-ħidma tal-Uffiċċju tal-OSCE dwar il-libertà tal-midja.
Min-naħa tagħha, ir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (l-OSCE) dwar il-libertà tal-midja, Teresa Ribeiro, irringrazzjat lill-Prim Ministru u lill-gvern Malti għad-djalogu miftuħ mal-organizazzjoni li tirrappreżenta u nnutat ukoll il-ħidma li saret u li qed tkompli ssir favur it-tisħiħ fil-libertà u l-funzjoni importanti li taqdi l-midja.
Fi tweet li tella’ wara l-laqgħa,il-Prim Ministru Abela rriafferma t-twemmin tal-Gvern lil-midja hija pilastru vitali fid-demokrazija tagħna. Kiteb ukoll li Malta tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex twettaq aktar f’dan il-qasam filwaqt li tibqa’ tappoġġja ħidmet l-OSCE.
In a meeting with @OSCE_RfoM I underlined several reforms undertaken to further enhance the protection of journalists. The media is a vital pillar in our democracy. @MaltaGov remains strongly committed to deliver even more and will continue to support the work of @OSCE. – RA pic.twitter.com/FnsITrNIKW
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 10, 2022
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-OSCE, Natasha Meli Daudey, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.