F’Settembru, ġew f’pajjiżna 246,066 turist filwaqt li l-iljieli li tqattgħu f’pajjiżna ammontaw għal 1,973,636.
Ikkonfermaw dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ġew ippubblikati l-Ħamis filgħodu u li wrew kif mit-total ta’ turisti li waslu f’pajjiżna, 223,714 ġew għal btala.
Dan filwaqt li 14,666 turist ġew fuq xogħol.
L-akbar ammont ta’ turisti li ġew f’pajjiżna kellhom bejn il-25 u l-44 sena. Dan il-porzjon jammonta għal kważi 38.9% tat-total ta’ turisti kollha.
Warajh isegwu dawk li għandhom bejn il-45 u l-64 sena. B’kollox it-turisti li ġew f’pajjiżna li jaqgħu taħt din il-faxxa t’età jammontaw għal 28.1%,
82% tal-iljieli f’pajjiżna tqattgħu fi stabbilimenti t’ akkomodazzjoni bħal lukandi. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jinnota wkoll li t-tul tal-medju ta’ żjara f’pajjiżna mit-turisti f’Settembru hija ta’ tmient iljieli.
In-nefqa tat-turisti f’pajjiżna tul dan ix-xahar qabżet il-kwart ta’ biljun ewro (€253.4 miljun) u n-nefqa medja għal kull lejl stmata li qabżet il-€128.4.
Intant l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nnota wkoll kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-ammont ta’ turisti li ġew f’pajjiżna jammontaw għal 1,720,432.
L-ammont ta’ totali ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna laħqu it-12.7 miljun. L-ispiża totali f’pajjiżna fl-ewwel disa’ xhur tas-sena laħqet il-€1.5 biljun.