Ġiet fi tmiemha is-27 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night, b’diversi suċċessi għall-atleti tat-Tim Malti.
Il-lejl kien imqassam fuq total ta’ madwar għoxrin taqbida fejn il-ġellieda kollha taw prestazzjoni mill-aqwa wara ħafna xhur ta’ taħriġ intensiv.
Atleti minn diversi klabbs lokali fosthom Team Noel, Team Vikings, Team War Dogs, The New Kickboxing Club, Hard Knocks Boxing Club flimkien ma’ Fort Fitness kollha kkompetew taħt il-kappa tal-Malta Kickboxing Association, il-Malta Boxing Association kif ukoll il-World Kickboxing Network taħt is-superviżjoni ta’ Isaac Scicluna, Matthew Brown u Marc E. L. James.
It-tim barrani kien jikkonsisti minn diversi atleti minn pajjiżi differenti fosthom l-Italja, Spanja, ir-Rumanija, iċ-Ċili, il-Ġeorġja, il-Marokk u l-Ghana.
Apparti it-tliet esebizzjonijiet li taw bidu għal din is-serata tant mistennija, l-atleti kkompetew fuq livelli amateur, semi-professjonali u dak professjonali fejn proprju żewġ titli minn tlieta tal-World Kickboxing Network ġew mirbuħa minn sportivi Maltin.
Justin Pace minn Team Noel issielet għal-erba’ rawnds kontra l-Ispanjol, Damir Mohamed biex b’hekk rebaħ it-titlu Ewropew Am/Pro filwaqt li Jesred Piscopo minn Team Noel għalaq is-serata b’taqbida mill-isbaħ kontra l-Marokkin, Ajoub Benadya fejn ħareġ rebbieħ u b’hekk ġie mogħti t-titlu internazzjonali tant prestiġġjuż fuq il-livell professjonali.
L-atleti Logan Galea (Team Noel), Toraino Singleton (Team War Dogs), Jean Luca Muscat (Team Noel), Celeste Galea (Team Noel), Bajic Milivoje (Fort Fitness), Jacov Bosnjak (Team Noel), Luca Zammit (Team Noel), Hamada Azmani (Team Morocco) Alex Horvath (Team Noel) u Brent Spiteri (Team Noel) ħarġu rebbieħa fil-bawts tagħhom fil-kategorija tal-kickboxing u K1
Fis-sezzjoni tal-boxing, it-taqbida bejn Rick Bonnici (Team Vikings) u Kareem Abohasson (Team Noel) intemmet f’parita, filwaqt li Isaac Bugeja (Team Vikings), Valeri Izzo (Team Hard Knocks), Mohamed Lilu (Fort Fitness), Yannis Magro (Team Vikings) u Christian ‘Ċoqqos’ Schembri (Fort Fitness) kollha ħarġu rebbieħa, bit-tnejn tal-aħħar jiġġieldu fuq livell professjonali.
Minn total ta’ ħdax il-ġlieda f’isem pajjiżna, it-tim Malti ħareġ rebbieħ f’għaxra minnhom. Il-bawts l-oħra kienu jikkonsistu minn kompetizzjonijiet bejn klabbs lokali.
Matul is-serata, inġabret somma sabiħa f’donazzjonijiet li ser imorru lejn tfajjel partikolari li bħalissa jeħtieġ kura u għajnuna. Minn hawn nixtiequlu fejqan ta’ malajr.
Filwaqt li nawguraw lill-atleti kollha tas-sagrifiċċji u taħriġ kontinwu, minn qalbna nawguraw lill-ġellied professjonali Jesred Piscopo li wara li kiseb it-titlu Internazzjonali, propona lit-tfajla tiegħu Nicole Chetcuti li bi tbissima liema bħalha, aċċettat.