Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel eloġju fil-konfront tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi.
Dan fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Lawrence Gonzi kien kapaċi, kien kapaċi jinqata’. Lawrence Gonzi ma jaħsibx li kulħadd moħħu biss fil-politika, Lawrence Gonzi jemmen u emmen li inti tista’ togħla u tinqata’ mill-partiġġjaniżmu.
Din id-difiża mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għall-Lawrence Gonzi waslet wara li f’intervista mat-Times il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi dwar il-kariga ta’ President tar-Repubblika, bil-Prim Ministru jisħaq li ma jidhirlux li Gonzi huwa persuna li jista’ jgħaqqad il-pajjiż bħala Kap ta’ Stat.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal hekk.
Qal, “Mhuwiex bniedem li jgħaqqad il-pajjiż żgur.”
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li Grech beda jimbotta lil Lawrence Gonzi għal din il-kariga.
Fil-fatt, ftit minuti wara l-intervista tal-Kap sors partikolari tenna kif din il-mossa ta’ Grech hija indikattiva tal-fatt li għadu qed ikun immexxi mill-establishment li poġġieh fuq is-siġġu tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk is-sors sostna kif Bernard Grech huwa obbligat lejn Gonzi li flimkien ma’ Louis Galea kien il-moħħ wara l-kampanja ta’ Bernard Grech biex jilħaq Kap.
Fil-fatt, tul il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fis-Sajf tal-2020, Gonzi kien jagħti pariri lil Grech filwaqt li kien jipparteċipa f’laqgħat fit-tul fejn ġiet diskussa l-kampanja elettorali ta’ Bernard Grech.
Ma’ Gonzi kien ikun hemm ukoll Karol Aquilina u Alex Perici Calascione li fid-Dar Ċentrali huwa fatt magħruf li jiġbdu l-ispag tal-Kap.
B’hekk, is-sors temm jgħid kif Bernard Grech m’għandux għażla ħlief li jimbotta lil Gonzi għas-sempliċi fatt li huwa obbligat lejh.