Dan li qed naraw warajna mhuwa xejn għajr taħriġ mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’każ li jinqala xi inċident gravi fl-istess ajruport.
Kien ftit wara s-sitta u nofs tat-Tlieta filgħaxija meta ajruplan tal-għamla A320, tal-linja tal-ajru Medina u li kien ġej minn Treviso, iġġarraf waqt l-inżul tiegħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, b’erbgħin passiġġier jindarbu.
Din kienet is-sitwazzjoni ppreżentata lill-awtoritajiet tal-ajruport u s-servizzi nazzjonali ta’ emerġenza f’eżerċizzju ta’ simulazzjoni maħsub biex jivverifika l-livell ta’ tħejjija u rispons għal każi ta’ inċidenti fl-ajruport.
Għalkemm l-eżerċizzju proprju beda għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-preparamenti bdew minn kmieni hekk kif ġie mqassam kif se jkun qiegħed jitmexxa dan il-proċess.
Mal-inżul tiegħu fil-mitjar Malti, l-assistenza kienet pronta hekk, kif ħin bla waqt, waslu diversi vetturi tat-tifi tan-nar u tal-armata kif ukoll ambulanzi.
Mil-ajruplan dehru ħerġin għadd kbir ta’ passiġġieri, li ftit minnhom dehru qed jgħajtu u oħrajn ġew megħjunin minħabba l-ġrieħi sejri.
Dan kollu sar biex jagħmlu dan l-eżerċizzju wieħed iktar realistiku.
Dan l-eżerċizzju hu konformi mal-obbligi regolatorji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni u jħares lejn kif dawn l-obbligi jiġu ssodifati bis-sehem ta’ bosta entitajiet.
Is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata fl-iqsar żmien, u wieħed seta jinnota l-ħidma serja li biha tmexxa dan l-eżerċizzju li huwa importanti f’każ li tinqala’ xi emerġenza kbira fl-ajruport.