Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech deher skomdu għall-aħħar jitkellem dwar id-Deputat tiegħu Albert Buttigieg wara li dan tal-aħħar f’intervista mat-Times, kixef gidba tal-Kap.
Dan deher ċar waqt li ONE News intervista lill-Kap Nazzjonalista barra l-Parlament, it-Tlieta filgħaxija.
F’intervista mat-Times, id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ikkonferma l-istorja ta’ ONE News li kien hemm diskussjoni fejn fiha fost oħrajn Buttigieg intalab ma jikkontestax għall-by-election biex jimtela l-siġġu parlamentari tal-mibki Robert Arrigo.
Dan sabiex minflok Bernard Grech ikun jista’ jagħti dan is-siġġu b’co-option lill-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione.
Meta ftit tal-ġimgħat ilu ONE News affaċċja lil Grech b’mistoqsijiet dwar dawn il-manuvri, dan sejħilhom asserzjonijiet fantastiċi.
Madankollu, hekk kif issa Albert Buttigieg bl-intervista mat-Times kixef il-gidba tal-Kap, Bernard Grech issa li nqabad, kien skomdu għall-aħħar jitkellem dwar il-kummenti tad-deputat tiegħu.
Saħansitra l-ġurnalist kwotalu l-kliem li qal Buttigieg mat-Times, madankollu Grech baqa’ jmeri s-sewwa magħruf.
Is-siġġu parlamentari li kiseb Buttigieg kien uġiegħ ta’ ras kbira għall-Kap Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif Buttigieg spiċċa ġab fix-xejn ix-xewqa tal-Kap tal-partit tiegħu, Bernard Grech li jimlih bil-Viċi Kap tiegħu.
Fil-fatt, it-tfigħ tan-nomina minn Buttigieg ġiet interpretat minn bosta fil-Partit Nazzjonalista bħala sfida diretta lill-Kap, Bernard Grech.