Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni ħa d-deċiżjoni li ma jġeddidx programm tat-tagħlim tal-Ingliż li l-English-Speaking Union (l-ESU) ilha tieħu ħsiebu għal għaxar snin għax l-evalwazzjoni li saret dwaru wriet li m’għamilx differenza.
Barra minn hekk, bħala finanzjament għall-programm, minflok l-€40,000 fis-sena bħas-soltu, l-ESU ipproponiet li tingħata somma iktar minn tliet darbiet ogħla: €411,000 fuq tliet snin.
L-ESU kienet toffri dan il-programm fl-iskejjel primarji tal-Gvern ta’ Ħaż-Żabbar u tal-Belt Valletta, u issa kienet qed titlob li twessgħu għal mill-inqas 11-il skola.
Madankollu, kelliem għall-awtoritajiet tal-Edukazzjoni qal li l-istatistika li għandu d-Dipartiment tal-Edukazzjoni turi li ma kienx hemm xi titjib partikulari fl-użu tal-Ingliż mit-tfal li pparteċipaw fil-programm tal-ESU. Tant hu hekk, li evalwazzjoni li saret uriet li l-Ingliż tal-istudenti li ħadu sehem fil-propramm tal-ESU kien fl-istess livell ta’ dawk li ma ħadux sehem fih.
Il-kelliem qal ukoll li l-Ministeru għall-Edukazzjoni m’għandu l-ebda ħsieb li t-tagħlim tal-Ingliż jipprivatizzah għax jemmen bis-sħiħ fil-kapaċitajiet tal-edukaturi tal-iskejjel tal-Istat biex jgħallmu l-Ingliż, anki dak mitkellem, fil-livelli kollha.
Il-proposta tal-ESU, li jingħata €411,000 fuq tliet snin, tfisser li tkun trid tinħareġ sejħa pubblika b’konformità ma’ dak li jgħidu r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku dwar is-servizzi.