Il-Kabinett tal-Ministri awtorizza lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, il-kirurgu Jo Etienne Abela, biex jagħmel numru limitat ta’ operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika mingħajr ħlas.
Fi stqarrija ġie spjegat li l-Kabinett evalwa ġustifikazzjoni mis-Servizz tas-Saħħa li tirreferi għal numru ta’ kundizzjonijiet tas-saħħa serji, fejn il-kompetenzi tal-Ministru Abela huma meħtieġa.
Kien spjegat ukoll li l-għarfien tal-Ministru Abela fis-suġġett huwa importanti biex jinqasam mal-istudenti tal-mediċina u jibqa’ jiġi assigurat li dawn is-servizzi jibqgħu aċċessibbli f’pajjiżna.
Il-Kabinett evalwa din il-proposta skont il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u qabel li s-servizz tal-Ministru Abela fil-kirurġija huwa meħtieġ fl-interess nazzjonali.
L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Ministru Abela tirreferi għal numru limitat ta’ sigħat li jiġu determinati mill-esiġenzi mediċi u tapplika għal operazzjonijiet fis-serviz pubbliku bla ħlas. Dan ifisser li Jo Etienne Abela mhux se jkollu pazjenti tiegħu u se jkun qed jassisti konsulenti oħra.
Il-Ministru Abela ntalab joħroġ mil-laqgħa tal-Kabinett waqt li kienet qed tiġi diskussa din il-kwistjoni.