Omm u n-nanniet ta’ tifla ta’ tmien snin qed jiġu investigati wara li żammewha maqfula għal seba’ snin.
It-tifla nħelset mid-dar fl-aħħar ta’ Settembru u issa tinsab f’foster care.
Uffiċjali tal-welfare qalu li qed tissielet biex twettaq l-affarijiet ta’ kuljum, bħal li titla’ t-taraġ. Rapporti Ġermaniżi qalu li t-tifla qatt ma kienet rat foresta jew ambjent miftuħ barra.
Ommha qalet lill-awtoritajiet li kienu marru joqogħdu l-Italja, iżda dan ma kienx minnu.
Id-dar tagħhom f’Attendorn, fiż-żona ta’ Sauerland fil-Punent tal-Ġermanja, hija waħda normali ħafna. Iżda wara l-ħitan miżbugħin bojod, jgħidu l-omm u n-nanniet żammew lit-tifla msakkra ‘l bogħod mid-dinja għal seba’ snin. Matul dak iż-żmien, aktarx li ma kellha l-ebda kuntatt ma’ persuna oħra, qatt ma marret l-iskola, u qatt ma qattgħet ħin barra.
M’hemm l-ebda evidenza li kienet fiżikament abbużata jew li tħalliet bil-ġuħ.