B’investiment li laħħaq in-nofs biljun ewro l-Bank Malti għall-Iżvilupp għen madwar sitt mitt kumpanija lokali, li jimpjegaw mal-erbgħin elf ruħ, sabiex matul il-pandemija baqgħu reżiljenti.
Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, li ilu jassisti kumpaniji lokali għal dawn l-aħħar ħames snin sa mit-twaqqif tiegħu, joffri għajnuna lil kumpaniji lokali li jkunu qed jinvestu f’setturi meqjusa volatili.
B’hekk, dawn il-kumpaniji jafu jsibuha aktar diffiċli sabiex jiksbu l-fondi neċessarji minn banek tradizzjonali. Minkejja dan, il-Bank għall-Iżvilupp ma jikkompetix ma’ banek kummerċjali iżda jiffoka fuq niċeċ partikolari ta’ investiment.
Fost dan l-investimenti wieħed jara dawk fil-qalba diġitali u fl-ekonomija ekoloġika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti li jistgħu jkunu relatati mal-istrateġiji nazzjonali jew prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-għajnuniet li ngħataw tul il-pandemija, tkellimna maċ-Chairman tal-Bank Malti għall-Iżvilupp, il-Professur Josef Bonnici, li stqarr kif il-Bank ta garanzija biex dawn jiksbu l-fondi meħtieġa mill-banek kummerċjali.
“Billi aħna tajna garanzija biex dawn ikunu jistgħu jissellfu aktar mingħand il-banek biex tagħmel tajjeb għall-fatt li d-dħul tagħhom naqas b’mod drastiku u f’ċertu każijiet naqas kompletament.”
Huwa spjega kif grazzi għal din il-garanzija n-negozji ġabu fondi b’kudizzjonijiet fevorevoli, b’rati ta’ imgħax baxxi u li kienu sussidjati għall-ewwel sentejn u moratorium sal-ewwel tmintax-il xahar.
“Issa li, fil-fatt, għaddew dawn l-ewwel tmintax-il xahar u l-ekonomija bdiet tirkupra nsibu illi l-maġġoranza kbira ta’ dawn il-kumpaniji qed jibdew iħallsu lura u l-pagamenti jinsabu għaddejjin b’ritmu normali mingħajr pressjonijiet għan-negozji tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, David Grima, imprenditur ta’ kumpanija lokali li taħdem iċ-ċeramika u li gawdiet minn din l-għajnuna tal-Bank Malti għall-Iżvilupp, tkellem dwar kif din l-għajnuna evitat konsegwenzi iebsa kawża tal-pandemija.
“L-inizjattiva li ħareġ biha għenitna ħafna biex nikkontrollaw il-cash flow tagħna, li kieku dik l-inizjattiva ma ħarġitx, naħseb illum l-affarijiet kienu jkunu differenti għaliex in-negozju mingħajr il-cash flow mhux ħa timxi u biex tespandi għandek bżonn l-għajnuna tal-banek.”
Lil hinn mill-effetti tal-pandemija, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna l-Bank Malti għall-Iżvilupp se jkun qiegħed ikompli l-ħidma tiegħu permezz ta’ skemi li qed tgħin lill-impurtaturi tal-qmuħ.
Barra minn hekk, fiż-żmien li ġej se jitħabbru żewġ skemi li se jiffaċilitaw is-self għall-kumpaniji mingħand il-Bank Malti għall-Iżvilupp jew mingħand banek kummerċjali.