Sajjied li kien wieħed minn dawk preżenti meta ġġarraf ajruplan ilbieraħ fit-Tanzanija iddeskriva kif ipprova jsalva lill-bdoti maqbuda fil-kabina tal-pilota u kif kważi tilef ħajtu jipprova jsalvahom.
L-inċident ħalla 19-il persuna mejta f’Lake Victoria.
Is-sajjied Majaliwa Jackson ġie ddikjarat uffiċjalment bħala eroj, ingħata miljun xelin Tanżanjan (424 ewro), u ġie offrut impjieg mal-forzi tas-salvataġġ.
Waqt li tkellem mal-BBC mis-sodda tal-isptar, Jackson iddeskriva l-paniku li ħakmu hekk kif ra l-ajruplan tal-passiġġieri jersaq mid-direzzjoni l-ħażina, qabel jinżel fl-ilma.
Huwa mar fuq il-post ma’ sħabu sajjieda, u għen biex fetħu l-bieba ta’ wara tal-ajruplan permezz ta’ moqdief: mossa li wasslet biex xi passiġġieri li kienu bilqiegħda lejn in-naħa ta’ wara tal-ajruplan ġew salvati.
Jackson qal li mbagħad mar fuq quddiem u għodos fl-ilma, fejn seta jara lil wieħed mill-bdoti maqbud ġewwa, li beda jikkomunika miegħu u jitolbu biex ikisser it-tieqa. Huwa ipprova jiftaħ il-bieb tal-emerġenza tal-cockpit, iżda spiċċa indarab hekk kif intlaqat minn ħabel li rabat mal-bieba. Huwa niżel fl-ilma jipprova jsalva lill-bdoti, minkejja li l-forza ta’ salavataġġ ipprovaw iżommuh għax ma kinitx mossa sigura. Tant hu hekk li l-ħabel tqaċċat, laqtu f’wiċċu u tilfu minn sensih. Għalhekk huwa kellu jittieħed l-isptar għall-kura.
Iż-żewġ bdoti huma fost id-19-il fatalità kkonfermata wara li l-ajruplan – operat minn Precision Air, l-akbar linja tal-ajru privata tat-Tanżanija – iġġarraf f’Lake Victoria.