Il-Qorti ċaħdet attentat mill-armla tan-nutar Ivan Barbara biex tevita każ ċivili xprunat minn klijenti rrabjati li qed jippruvaw jirkupraw xejn inqas minn €165,000 f’depożiti u taxxi mhux imħallsa marbuta ma’ kuntratti tal-proprjetà.
L-Imħallef Audrey Demicoli waqqgħet it-talbiet preliminari ta’ Rosanne Barbara Zarb u ordnat li l-każ ikompli kif ippjanat.
Ivan Barbara miet bil-Covid-19 f’April tas-sena l-oħra meta kien l-Indja ma’ martu biex flimkien, jadottaw tarbija.
It-23 klijent argumentaw fil-Qorti li Barbara Zarb hija responsabbli min-negozjati ta’ żewġha, u allura responsabbli wkoll għad-dejn, li jinkludu d-depożiti li ħallew miegħu fuq kuntratti tal-proprjetà.
Huma qalu lill-Qorti li Barbara Zarb kienet qaltilhom li l-ħlas lura tad-depożiti li ħallew ma’ żewġha se jsir tard iktar milli maħsub minħabba kumplikazzjonijiet marbuta maċ-ċertifikat tal-mewt ta’ żewġha, minħabba l-fatt li miet l-Indja.
Minkejja dan, anki issa li ċ-ċertifikat tal-mewt ħareġ, Barbara Zarb baqgħet tirreaġixxi bl-istess mod għat-talbiet tal-klijenti u tgħidilhom li l-proċess għadu se jsir.
Huma ddikjaraw li għandhom evidenza li turi li l-uffiċċju ta’ Barbara baqa’ jopera wara l-mewt tiegħu, u martu baqgħet taġixxi daqs li kieku hija eredi, u dan jagħti x’jifhem li aċċettat il-wirt ta’ żewġha.
Huma talbu lill-Qorti biex tordna lil Barbara Zarb tħallashom bl-interessi.