Illum, il-mexxejja dinjija, inkluż il-Prim Ministru Malti, Robert Abela, se jiddiskutu l-isfida tat-tibdil fil-klima waqt is-summit tal-COP27 fl-Eġittu.
In-Nazzjonijiet Magħquda qalu li ma sarx wisq progress biex jonqsu l-emissjonijiet li jikkawżaw it-tisħin globali mill-aħħar summit tas-sena li għaddiet fi Glasgow. Il-Kap tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, qal li f’ċertu pajjiżi, l-impatti diġà huma devastanti, u d-dinja tinsab fit-triq għal diżastru.
L-aktar pajjiżi foqra qed jimbuttaw għal kumpens finanzjarju mill-pajjiżi sinjuri li huma responsabbli għall-emissjonijiet li qed jagħmlu l-akbar ħsara.
Fost il-mexxejja dinjija li mistennija jattendu għal dan is-summit, hemm il-President Amerikan Joe Biden, il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak u l-President Franċiż Emmanuel Macron.