L-għadd ta’ nies bid-dimensja mistenni jiżdied li għal madwar 10,000 persuna sal-2030.
Il-President George Vella qal li l-kefrija ta’ din il-marda hija li tara l-għeżież tagħna bħal donnu jisparixxu mill-identità tagħhom.
Waqt is-serata ‘Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja’, il-President Vella qal li mingħajr iljieli ta’ rikonoxximent bħal dawn, x’aktarx li ma napprezzawx biżżejjed id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji kbar li jwettqu persuni li jaħdmu f’kull settur tal-kura tad-dimensja fosthom qraba, professjonisti u organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja.
Lea Bellizzi rebħet il-premju għal carer informali, filwaqt li Stefan Baldacchino rebaħ il-premju għal professjonist jew tim fil-qasam tad-dimensja, u Anne Cuschieri rebħet pemju għal kontribut eċċezzjonali fil-qasam tad-dimensja.
Il-President wera t-tama li l-esperti jsibu tarf ta’ x’qed iwassal biex l-għadd ta’ persuni bid-dimensja qed jiżdied b’mod allarmanti.
Is-Sinjura Miriam Vella, Chairperson tal-bord tal-għażla tal-‘Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja’, qalet li għal din it-tielet edizzjoni l-bord irċieva 26 nominazzjoni, ferm iktar milli kien qed jistenna.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li hu stmat li f’Malta, 6,071 individwu kellhom id-dimensja fl-2015 u hekk kif il-popolazzjoni tkompli tixjieħ, l-għadd ta’ nies bid-dimensja mistenni jiżdied.
“Ilkoll għandna nkunu grati għall-ħidma li jagħmlu l-persuni li jmissu mal-qasam tad-dimensja. Il-paċenzja, l-imħabba u d-dedikazzjoni hija xi ħaġa imprezzabbli u bl-għemil ġenwin tagħhom ma’ dawn il-persuni, qed jagħmlu ġest notevoli immens,” qal il-Ministru Abela.