Ġiet fi tmiemha l-expo tant popolari tal-Playcon li saret tokkupa appuntament anwali fil-kalendarju ta’ avvenimenti f’pajjiżna.
Expo ta’ erbat ijiem li ġabar taħt saqaf wieħed esponenti lokali u internazzjonali fis-setturi tal-esports u l-video games.
Fil-fatt aktar minn 25 kumpanija li jiżviluppaw il-video games u jorganizzaw esports ipparteċipaw f’dan l-expo fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Kersten Chircop, wieħed mill-organizzaturi ta’ dan l-avveniment stqarr ma’ ONE News kif eluf ta’ studenti żaru dan l-avveniment permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
“L-ewwel jumejn ġew madwar 5,000 student mill-iskejjel, kemm primarji u kemm sekondarji u mbagħad is-Sibt u kemm il-Ħadd kien miftuħ għall-pubbliku.”
Fost l-attivitajiet li saru, kien hemm ukoll summit, b’kellema lokali u internazzjonali li qasmu ħsibijiethom fuq il-futur ta’ din l-industrija.
Il-pubbliku kellu wkoll l-opportunita’ li jesperjenza teknoloġija bħal virtual u augmented reality, u l-intelliġenza artifiċjali fost ħafna oħrajn.
“L-għan ta’ dan l-avveniment huwa li nuru l-pubbliku hemm barra li hemm opportunitajiet f’dawn l-industriji speċjalment bħala karriera u mhux just bħala persuna jilgħab il-video games bħala player, però hemm aktar opportunitajiet fejn jidħlu video game developers, graphics artists, photographers, videographers u anke aktar opportunitajiet.”
Dan l-avveniment ġie mtella’ minn GMR flimkien ma’ Gaming Malta u l-Ministeru tal-Ekonomija.