Fil-Lussemburgu, il-komunità tal-Judo ngħaqdet għall-ewwel Kampjonati Ewropej tal-Judo għall-Pajjiżi Żgħar, li raw atleti minn 8 pajjiżi jikkompetu għal 13-il titlu. L-Iskwadra Maltija tal-Judo kienet magħmula minn: Katryna Esposito u Kirsty Cauchi (-48kgs), Francesca Catania (-63kgs), James Zahra u Sadek Khalaf (-60kgs), Kris Samuel Bartolo (-73kgs), Valerian Ogbaidze (-90kgs), u Isaac Bezzina (-100kgs), akkumpanjat mill-kowċ Aurelian Fleisz u d-direttur tekniku Alex Bezzina.
Is-sessjoni ta’ filgħodu bdiet bil-kategoriji kadetti, b’Sadek Khalaf u Kris Samuel Bartolo jikkontestaw il-kategoriji tagħhom. Kris Samuel Bartolo skorja Ippon (punti massimi) sabiħa kontra Tomas mill-Andorra, biex rebaħ l-ewwel midalja ta’ Malta fil-Kadetti -73kgs. Khalaf poġġa fis-7 post.
Is-sessjoni ta’ wara nofsinhar kienet dik li kulħadd kien ilu jistenna! L-ewwel midalji ġew mill-bniet. Katryna Esposito eliminat lill-avversarji Ċiprijotti tagħha biex waslet fil-quċċata tal-podju, u tellgħet il-bandiera Maltija fl-ogħla pożizzjoni. Iżda Malta ma tellgħetx bandiera waħda biss fit–48kgs, iżda 2, hekk kif Kirsty Cauchi wkoll telgħet fuq il-podju, wara li rebħet il-logħba tagħha għall-midalja tal-bronż kontra ċ-Ċiprijotta Camanide.
Imbagħad kien imiss lil Zahra u Khalaf fil–60kgs. Khalaf kien sfortunatament eliminat fl-ewwel logħba tiegħu, mingħajr possibbiltà li jiġġieled għall-bronż. Min-naħa l-oħra, Zahra beda’ sensiela ta’ rebħ meta elimina lil Christoforou, u Michelidis minn Ċipru, u Pellicer minn Andorra, kollha b’Ippon, biex wasal għall-partita finali. Fil-finali tilef kontra Christodoulides minn Ċipru f’logħba iebsa ħafna. B’hekk rebaħ il-midalja tal-fidda.
Fil–90kgs, kien Valerian Ogbaidze li kien qed jirrapreżenta lil Malta. Huwa tilef l-ewwel round tiegħu kontra Blondal mill-Iżlanda, fejn tilef fl-aħħar sekondi, madankollu, ma qatax qalbu u ta emilu kollu fil-logħba għall-bronż, fejn rebaħ b’ippon sabiħa fi ftit sekondi kontra Hjaltason mill-Iżlanda.
L-aħħar kategorija għal Malta kienet il–100kgs ta’ Isaac Bezzina. Isaac kellu jiġġieled kontra Johannesen mill-Gżejjer Faroe fl-aħjar minn tliet logħbiet. Isaac għadu kif irritorna minn Perth jumejn ilu, fejn rebaħ l-ewwel midalja għal Malta fil-World Judo Tour. Fl-ewwel logħba, Johannesen ħa lil Bezzina b’sorpriża u għelbu, madankollu Bezzina kien riżolut li kien ser jitla’ fuq l-ogħla podju, u rebaħ iż-2 logħbiet l-oħra tiegħu. B’hekk reġa’ tella’ l-bandiera Maltija fil-quċċata, u daqq l-Innu Malti. mill-ġdid.
Francesca Catania u Kris Samuel Bartolo ġew eliminati fl-ewwel rawnd tagħhom u ma waslux fiż-żona tal-midalji.
2 midalji tad-deheb, medalja tal-fidda u 2 tal-bronż tellgħu lil Malta fit-3 post fuq il-mejda tal-midalji. Prosit Tim Malta!
Illum it-tim se jkun qed jiġġieled fl-avveniment tat-tim. L-ewwel rawnd tagħhom huwa kontra Team Cyprus. Tistgħu issegwu l-logħob fuq live.ijf.org.