Wara aktar minn sentejn ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, u issa fi sfond ta’ tħassib minħabba l-isfidi marbuta mal-gwerra fl-Ukrajna, l-istilista tas-sbuħija, Jennifer Dimech, fetħet ħanut ġdid fl-Iklin.
Hija setgħet tieħu dan il-pass grazzi għal diversi skemi u għajnuniet li sabet mill-Gvern fl-aħħar snin, kemm matul il-pandemija u anki permezz ta’ skemi offruti mill-Malta Enterprise.
Qalet, “Biex tiftaħ ħanut faċli imma biex tixtri l-makkinarju u l-magni l-iktar li jiswew flus jiġifieri dawn, il-Micro Invest tagħti ħafna benefiċċji anki biex timpjega lin-nies, għandek benefiċċji l-ewwel tliet snin, li kienu ta’ ħafna għajnuna u ta’ kuraġġ li almenu ħa jkollok naqra ta’ boost biex tibda l-business.”
Waqt l-inawgurazzjoni tal-ħanut ġdid tagħha fl-Iklin, li se joffri servizzi ta’ sbuħija, irtokk u trattamenti tal-ġilda, l-istilista stqarret li ħassitha komda tinvesti għax kien hawn bosta inċentivi ta’ serħan il-moħħ.
Qalet, “Li ma qatagħlix qalbi kien li, waqt pandemija, kien hemm ħafna inċentivi, bħal li għenna fil-kirjiet, li f’dal-każ ma bżajtx nidħol f’kera għax naf li ħassejtni sigura. Apparti dik, kellna wkoll il-grants ta’ kull xahar.”
Jennifer hija omm ta’ tifla ta’ sena u nofs, u qed tistenna tarbija oħra fix-xhur li ġejjin. Minkejja dan, id-determinazzjoni li twettaq il-ħolm tagħha, u s-sapport minn dawk ta’ madwarha, dejjem xprunawha taħdem għal dak li tixtieq.
Qalet, “Mhix faċli imma d-determinazzjoni importanti. Childcare ukoll, l-iskema għenet. Bdejtilha ċ-childcare ta’ sena biex inkun nista’ mmur lura x-xogħol. Ifhem, mhix faċli imma meta tkun taħdem b’passjoni lejn il-linja tiegħek, meta ssib dak li tkun passjonat fuqu, imbagħad issib il-bilanċ.”
L-appell ta’ Jennifer għal ommijiet oħra huwa biex isibu dak li jħobbu jagħmlu u ma jwarrbux il-ħolm tagħhom għaliex jekk wieħed isib il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, il-ħajja tkun sabiħa u ta’ sodisfazzjon.