Il-Kummissjoni Atleti fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti llum ospitat l-ewwel Seminar għall-Atleti tagħha.
Is-seminar li għaliħ attendew numru sostanzjali t’atleti, kien immirat lejn atleti kompetittivi, minn 14-il sena ‘l fuq u l-għan tiegħu kien li jaqsam informazzjoni dwar suġġetti li huma rilevanti lill-atleti kif ukoll jipprovdilhom forum biex ikunu involuti fil-moviment Olimpiku.
Is-Seminar kien indirizzat mill-membri tal-Kummissjoni, li hija magħmula miċ-Chairperson Eleanor Bezzina, Matthew Abela u Sascha Genovese.
Fost is-suġġetti diskussi kien hemm Is-salvagwardja mill-fastidju u l-abbuż ippreżentat minn Andrew Azzopardi u Carly Zarb, segwit minn diskors ta’ Gabi Calleja li tkellmet dwar Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess bħala Dritt tal-Bniedem, Media fl-Isport ippreżentata mid-Direttur tal-Midja tal-KIM Maria Vella-Galea u Joanna Camilleri, atleta, rebbieħa ta’ diversi medalji għal-malta fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa u ġurnalista Sportiva, kif ukoll tgħarif dwar opportunitajiet ta’ boroż ta’studju immirati għall-atleti mid-Direttur tal-Isport tal-KOM. Charlene Attard.
Preżenti għas-Seminar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-KOM Kevin Azzopardi li enfasizza r-rwol ta’ appoġġ li l-KOM għandu lill-atleti u kif seminars bħal dawn huma żviluppati biex jagħtu vuċi ulterjuri lill-atleti.
Waqt is-Seminar, ġew ippreżentati b’tifkira apprezzament lil dawk l-atleti li rebħu medalja fil-Logħob li sar dan is-sajf li kien jinkludi Katryna Esposito (Bronz, Judo, Commonwealth Games), Matthew Galea Soler (Bronż Atletika, EYOF) u Elaine Genovese u Francesca Curmi (Fidda, Tennis, Logħob tal-Mediterran).
F’kumment dwar is-seminar, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Eleanor Bezzina, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-eżitu tas-seminar li mhux ra attendenza tajba iżda ra wkoll interazzjoni tajba minn dawk preżenti.
Aktar informazzjoni dwar il-ħidma tal-Kummissjoni Atleti tista’ tinkiseb billi tibgħat email fuq athletes-commission@nocmalta.org
Is-Seminar kien appoġġjat minn assistenza finanzjara minn fondi tal-Olympic Solidarity.