Waqt logħob f’Division 1, l-ogħla saff fil-kampjonati nazzjonali tal-bowling f’Malta, il-plejer tat-tim Powerfruit, Dwayne Zahra, rnexxielu jikser ir-rekord nazzjonali għall-aqwa serje ta’ tliet logħbiet għal żagħżugħ/a fl-istorja tal-Malta Bowling Association. Din hija t-tmien l-aqwa serje ta’ tliet logħbiet fl-istorja tal-assoċjazzjoni.
Biex spiċċa t-tliet logħbiet b’punteġġ tremend ta’ 797 (skor medju ta’ 265.66), Zahra lagħab tliet logħbiet spettakolari: 242-299-256. Fit-tieni logħba, Zahra ġab skor ta’ 299 billi beda l-logħba bi ħdax-il strike konsekuttiv qabel ma’ ġab 9/10 pins fl-aħħar tefa’ tiegħu.
Hu kiser ir-rekord nazzjonali ta’ Kayden Laganà b’differenza ta’ 3 pins biss. Laganà kellu s-serje eċċezzjonali tiegħu ta’ 794 (logħbiet minn dan is-serje: 289-278-227) xahrejn u nofs ilu, fis-17 t’Awissu 2022, waqt logħob kompetittiv fiċ-Cisk Doubles League.
B’din il-prestazzjoni, Zahra għen lit-tim tiegħu Powerfruit biex jirbħu l-logħob kollha tagħhom f’dil-ġimgħa ta’ logħob f’Division I.