Il-Gvern Ġermaniż ta’ Olaf Scholz se jniedi pjan biex mis-sena d-dieħla jibda jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi – miżura li l-Gvern Malti ilu li ħadha xhur sħaħ, malli s-sitwazzjoni internazzjonali bdiet tgħolli l-prezzijiet.
Dan is-sussidju se jkun qed jingħata permezz ta’ pakkett ta’ mitejn biljun ewro sabiex inaqqas il-pressjoni tal-kriżi tal-enerġija minn fuq il-familji u n-negozji.
Din l-għajnuna se tkun qed tingħata għall-prezz tal-gass u għall-konsum tal-elettriku. Dan il-pakkett se jidħol fis-seħħ mill-bidu ta’ Jannar għall-industrija, waqt li għall-familji se jidħol fis-seħħ mill-bidu ta’ Marzu.
Dan se jfisser li din il-miżura mill-Gvern Ġermaniż se tidħol fis-seħħ iżjed minn sena wara li l-Gvern Malti beda jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji, biex dawn jibqgħu stabbli minkejja l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa.
Il-Gvern Malti ta l-garanzija li se jkompli jipproteġi lill-konsumaturi miż-żidiet fil-prezzijiet anki s-sena d-dieħla, hekk kif fil-Budget għas-sena d-dieħla l-Gvern se jinvesti aktar minn €600 miljun sabiex ikompli jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
B’hekk b’din il-garanzija mill-Gvern Malti, f’sentejn se jkunu ġew investiti madwar biljun ewro, li permezz tagħhom il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil se jibqgħu stabbli għal familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.