Id-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra sostniet li hi ma staqsietx mistoqsijiet parlamentari għalxejn, b’rabta mal-kunċert Rockestra, kunċert li jsir ta’ kull sena u li huwa organizzat mill-Malta Community Chest Fund.
L-Erbgħa li għadda, il-kelliema ta’ Bernard Grech għall-Arti u l-Kultura staqsiet għal darba, darbtejn, proprju dwar dan il-kunċert fil-mistoqsijiet parlamentari li għamlet lill-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici.
Mistoqsijiet li kixfu li ma kinitx taf min jorganizza dan l-avveniment popolari minkejja li, f’Awwissu li għadda, kienet preżenti u tkellmet fit-tnedija ta’ dan il-kunċert b’għan filantropiku.
ONE News staqsa lil Zahra dwar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
B’din id-dikjarazzjoni Julie Zahra pruvat tgħatti l-iżball tagħha fil-Parlament, fejn inqabdet ma tafx min jorganizza dan il-festival.
Huwa kien qal, “Jgħaddu ftit jiem u nerġa’ nirċievi PQ oħra. Qaltli, ‘Jista’ l-Ministru jgħid min jorganizza Rockestra?’. Jiena għidt, ‘Din bis-serjetà?’, u jiena weġibtha b’mod pulit – kelli aptit ngħaddi battuta politika imma m’għamiltiex – ‘Kif diġà ġie indikat fit-tweġiba, il-kunċert Rockestra ma jiġix organizzat mill-Ministeru jew minn xi entità fi ħdanu’.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, One News kompla jistaqsi dwar dan.
Hija rrispondiet, “Ma staqsejtilux għalxejn.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet kunfliġġenti ta’ deputat Nazzjonalista jkomplu jikxfu l-ħidma parlamentari dgħajfa tal-istess Partit f’Tal-Pietà. Propju ftit tal-jiem ilu, waqt l-estimi finanzjarji għall-Budget, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina lmenta fuq il-bagalja li uża l-Ministru għall-Finanzi fil-jum tal-preżentazzjoni tal-Budget; ilment li kixef il-kritika fjakka tal-Oppożizzjoni fuq materja tant importanti bħall-Budget.
Il-Ministru kien qal, “Nieħu pjaċir illi l-Oppożizzjoni, il-kritika lejn il-Budget, tkun fuq il-bagalja li użajt għall-istess Budget. Nifhem illi n-nies li jkunu qed jarawna bħalissa, huma probabbli għandhom tbissima fuq wiċċhom. Nispera li l-Oppożizzjoni, fid-dibattiti li qed ikollhom filgħodu u filgħaxija, ikomplu jiġu b’dawn it-tip ta’ argumenti ħalli verament il-poplu jagħraf liema naħa tal-Kamra tieħu d-deċiżjonijiet li hemm, bżonn sabiex, iva, inkomplu nħarsu lejn l-interessi tal-Maltin u Għawdxin.”