Bit-tema “Malta in Motion”, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, flimkien mal-Air Malta u l-Ajruport ta’ Berlin Brandenburg, ospitaw sessjonijiet ta’ tagħrif u networking.
Madwar 170 viżitatur inġabru f’waħda mil-lukandi ewlenin ta’ Berlin għal skambju informattiv dwar pajjiżna.
Il-workshop kellu attendenza tajba ħafna, u għalih attendew 80 bejjiegħ tal-ivvjaġġar u operatur turistiku. L-attività tat ukoll l-opportunità lil dawk kollha preżenti biex iduqu ikel tradizzjonali Malti. L-avveniment kien appoġġjat minn imsieħba fl-industrija turistika Maltija u Għawdxija.
Għas-suq Ġermaniż, Malta hija destinazzjoni popolari għall-attivitajiet li jsiru barra fl-apert u għall-għadis. Infatti, kumpaniji li jispeċjalizzaw f’dawn l-attivitajiet, kienu preżenti u infurmaw lill-udjenza dwar diversi attivitajiet li wieħed jista’ jgawdi waqt li jżur Malta u Għawdex.