Kull sena il-Ministeru tal-Edukazzjoni joħroġ numru ta’ applikazzjonijiet għal studenti Maltin li jixiequ jistudjaw barra minn Malta. Is-suġġetti huma varji u jkopru skemi differenti. Waħda mill-istudenti, Shirley Scerri tkellmet magħna dwar il-mumenti diffiċli u l-mumenti ta’ sodisfazzjoni fl-esperjenza tagħha.
”Kelli interess partikolari fil-Malta Arts Scholarships’ Scheme li toħloq opportunitajiet sabiex studenti itejbu t-talenti tagħhom f’arti espressiva, u fil-każ tiegħi, il-‘Performing Arts’. Wieħed irid japplika, u wara jersaq għal audition segwita b’intervista. Il-fatt li din l-iskema tiġbed lejha l-attenzjoni ta’ bosta individwi b’talenti kbar fil-krejazzjoni u l-promozzjoni ta’ arti espressiva, li jinkludu it-tejatru, mużika, żfin, disinn, kitba krejattiva, film, arti viżiva, kif ukoll kumbinazzjoni ta’ uħud minn dawn it-talenti flimkien, wieħed jistenna li l-kompetizzjoni tkun kemxejn iebsa. Fl-2019 iddeċidejt li napplika, għaddejt mill-proċedura kollha u intgħażilt. Kont sodisfatta ħafna u xtaqt intir bil-ferħ’‘ – qaltilna Shirley
F’Settembru tal-istess sena Shirley marret Cambridge l-Ingilterra. Għaliha din kienet deċiżjoni li ġġorr magħha sfidi finanzjarji u loġistiċi. L-għażla tagħha kienet li ssegwi kors fi żfin professjonali ġewwa l-Bodywork Performing Arts College u li jwassal għal Level 6 Diploma in Professional Dance Studies. Shirlet ammettiet li mingħajr din l-iskema ma kinx ikun possibli għaliha li tagħmel dan. L-iskema tkopri parti sostanzjali mill-miżata tal-kulleġġ u tipprovdi ukoll maintenance allowance għal tul it-tlett snin tal-kors. L-ewwel sitt xhur, għalkemm l-isfidi ma qatgħux, għaddiethom mhux ħażin, sakemm f’Marzu tal-2020 infirxet b’mod allarmanti il-COVID-19. Waqfu l-lezzjonijiet f’forma fiżika u kellha tirrikorri għal taħriġ b-mod remot. Is-sitwazzjoni ttawwlet għall-kumplament tas-sena skolastika u anke kompliet tippersisti fl-ewwel tliet xhur tat-tieni sena. Għal Shirley dawn kienu żmenijiet diffiċli tassew.
”It-tielet sena kienet sena normali, għaldaqstant kulħadd stinka kemm felaħ sabiex jagħmel tajjeb għal dak li tlifna fl-ewwel sentejn. M’hemmx xi ngħidu, dawn l-isforzi kkawżaw għejja kbira fuq kull wieħed u waħda minna, iżda kellna rieda tal-azzar u xejn ma kien ser iżżomna milli nagħtu saħħitna kollha basta nasli għall-objettivi tagħna. F’dawn it-tliet snin għaddejna minn diffikultajiet li qatt ma konna immaġinajna u wisq iktar stennejna. Għalhekk, bi pjaċir u b’sens ta’ gratitudini nistqarr li bħal kif ma kienx ikun possibli għalina li nagħmlu dan il-kors mingħajr l-għajnuna finanzjarja, tant ieħor ma kienx ikun possibli għalina li ntemmu dawn it-tliet snin mingħajr l-appoġġ morali li irċivejna mingħand il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni – grazzi Malta Arts Scholarship u l-ħaddiema tagħkom. Minkejja kollox, u kieku kelli nreġġa r-rota lura, nagħżel li nirrepeti din l-esperjenza li ratni niggradwa f’Diploma Livell 6 fi żfin Professjonali. Onorata u grata ħafna li għamilt dan u nħares ‘il quddiem sabiex naqsam l-esperjenzi tiegħi ma’ ħaddieħor. Il-ħolma tiegħi saret realta’.” ikkonkludiet Shirley