Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għadha kemm tnediet wirja dwar ir-rabta li kellha ma’ Malta l-arkeologa ta’ taħt il-baħar Honor Frost.
Minbarra li tagħti ġieħ lil-legat konsiderevoli ta’ Frost, il-wirja toffri tagħrif dwar ix-xogħol li Frost wettqet f’pajjiżna, permezz ta’ illustrazzjonijiet, artefatti u saħansitra partijiet mit-tagħmir li kienet tuża biex togħdos.
Honor Frost kienet pijuniera tal-arkeoloġija ta’ taħt il-baħar u l-ewwel persuna li għaqqdet id-dixxiplina tal-arkeoloġija mal-għadis. Ir-rabta tagħha ma’ Malta bdiet fl-1967, meta ġiet fi gżiritna biex tiskava sit fil-Bajja tal-Mellieħa fejn fis-seklu 3 WK kien għereq bastiment Ruman. Minn perspettiva lokali, dan l-iskav immarka l-bidu tal-iskavar xjentifiku ta’ siti taħt il-baħar f’Malta.
Ir-rabta ta’ Frost ma’ Malta kompliet tissaħħaħ matul is-snin, tant li hija saħansitra xtrat dar fl-Isla u kienet tqisha bħala l-bażi tagħha fil-Mediterran. Għenet ukoll fit-twaqqif talKunsill għall-Arkeoloġija Nawtika, kienet parti mill-Kunsill tas-Soċjetà għar-Riċerka Nawtika, u kellha sehem ewlieni fit-tnedija tal-Ġurnal Internazzjonali tal-Arkeoloġija Nawtika fl-1972.
Honor Frost ħalliet il-parti l-kbira tal-wirt tagħha biex titwaqqaf fondazzjoni li taħdem fil-qasam tal-arkeoloġija marittima, partikolarment dik tal-Lvant tal-Mediterran. Il-Fondazzjoni Honor Frost fil-fatt twaqqfet fl-2011 u minn dak iż-żmien ’l hawn għenet fittwettiq ta’ bosta proġetti fil-Mediterran, fosthom l-iskav tal-bastiment Feniċju lil hinn mill-Bajja tax-Xlendi, Għawdex.
Grazzi għall-kollaborazzjoni ta’ Frost mal-awtoritajiet lokali fil-qasam tal-wirt storiku u kulturali, in-noti u t-tpinġijiet tagħha kif ukoll artefatti li ttellgħu mill-iskav tal-Bajja tal-Mellieħa llum jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
F’kumment waqt it-tnedija tal-wirja, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li mill-ewwel tentattivi umli u sporadiċi fl-aħħar tas-snin 50, l-arkeoloġija ta’ taħt ilbaħar illum kibret u saret parti important mill-wirt storiku nazzjonali. Dawk it-tentattivi tal-bidu saru wkoll grazzi għal Honor Frost, li kienet ispirazzjoni għal dawk li għexu fi żmienha u tibqa’ ispirazzjoni għal kull min jaqra dwar l-iskoperti u l-ħidma tagħha.
Alison Cathie, Chairperson tal-Fondazzjoni Honor Frost, kienet preżenti waqt it-tnedija. Il-wirja, bl-isem Malta ta’ Honor Frost: Pijuniera fiċ-ċentru tal-Mediterran, se tibqa’ għaddejja sal-15 ta’ Jannar 2023. Id-dħul huwa b’xejn. It-tnedija tal-wirja kienet ippjanata biex taħbat mat-tieni edizzjoni tal-konferenza Taħt il-Mediterran, li qed issir Malta.