F’Malta u Għawdex hawn total ta’ 1,775 organizzazzjoni rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji. Minn dawn, 1,619 huma bbażati f’Malta u 156 f’Għawdex.
Filwaqt li ħabbret dawn il-figuri fi tweġiba għal interpellanza parlamentari, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li bħala parti mir-riforma li qed issir fis-settur, bħalissa qed issir analiżi iktar dettaljata tal-funzjoni u l-iskop ta’ dawn l-għaqdiet.
Hija spjegat li r-rikonoxximent tal-għaqdiet skont l-operat, il-format, il-mod li bih jiġu amministrati, u l-ħidma tagħhom hija importanti fit-tfassil tal-politika tas-settur u hija essenzjali biex isseħħ ir-riforma neċessarja.
L-għaqdiet li jaħdmu jew jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabilita huma 58. Dawn jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ saħħa pubblika, servizzi soċjali, promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u filantropja. Dan in-numru ma jinkludix għaqdiet, bħal dawk sportivi u kulturali, li fil-ħidma tagħhom jagħmlu wkoll xogħol li jibbenefikaw minnu persuni b’diżabilita għax iħaddnu politika ta’ inklużività fil-ħidma tagħhom fil-komunitajiet.
Għaqdiet li huma b’xi mod marbuta mal-isport hemm 368.
B’kollox hemm 94 għaqda li huma meqjusa bħala ‘każin tal-banda’, għalkemm sal-lum m’hemmx kategorizzazzjoni speċifika fil-liġi għal dawn. L-istess jista’ jingħad għall-għaqdiet li b’xi mod jikkontribwixxu lejn l-aspetti tal-festi, bħall-għaqdiet tal-armar, il-fratellanzi u għaqdiet tan-nar. It-total ta’ dawn l-għaqdiet huwa 68. Dawn jaqgħu f’kategoriji varji, fosthom tal-kultura, tar-rikreazzjoni u organizzazzjonijiet ibbażati fuq fidi.