Harikrishna Manhasseri, Indjan ta’ 25 sena residenti l-Imġarr, ngħata sentejn probation wara li ammetta li, waqt li kien qed jagħmel massaġġ lil turista Ingliża, wettaq atti ta’ natura sesswali.
Fil-Qorti nstema’ kif l-Indjan huwa impjegat fi spa ta’ lukanda. Jumejn wara li seħħ il-każ, il-vittma għamlet rapport lill- Pulizija.
Fix-xhieda tagħha, it-turista Ingliża spjegat li l-akkużat talabha tneħħi x-xugaman u toqgħod wiċċha ’l isfel sabiex jagħmlilha l-massaġġ. Ftit wara, talabha ddur bil-kontra u kien dak il-ħin li messilha sidirha.
Il-vittma, għalkemm ħassitha skomda, ma qalet xejn għax ħasbet li kienet parti mill-massaġġ. Fil-Qorti hi xehdet li hu talabha tinża’ l-ħwejjeġ għax il-massaġġ kien wieħed speċjali.
Żiedet tgħid li, wara dan kollu, huwa beda jmissilha l-parti tagħha iżda ma kien hemm l-ebda penetrazzjoni. F’dan il-punt, qaltlu biex jieqaf u għamlet rapport lil maniġer tal-lukanda.
Ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u kkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti għalhekk sabitu ħati u huwa tpoġġa taħt probation għal sentejn b’diversi kundizzjonijiet.