L-Erbgħa filgħodu ġiet inawgurata Dar Padova f’Għajnsielem: klinika multidixxiplinari b’investiment ta’ €140,000. Permezz ta’ xogħol ta’ rinnovazzjoni li sar, din il-klinika se tkun qegħda taqdi l-bżonnijiet tal-mediċini tal-anzjani Għawdxin.
Din il-klinika se tkun qegħda toffri diversi servizzi ġodda, bħat-teħid tad-demm, il-psikoterapija, u s-servizz tal-CommCare, fost diversi servizzi oħra. Il-Klinika se sservi wkoll ta’ night shelter sabiex toffri kenn lill-anzjani għal matul il-lejl.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etiene Abela, qal li Dar Padova, permezz ta’ rinovazzjoni ser tkun qegħda toffri servizzi ġodda għall-anzjani Għawdxin.
Il-Ministru qal, “Dar Padova ilha attiva mill-2015. Issa għamilna proġett ta’ rinovazzjoni biex se nibdew noffru servizzi minn kliniċi ta’ outreach. Dan huwa bil-għan li l-anzjan Għawdxi jiġi trattat b’mod ħolistiku.”
Il-Ministru Abela spjega wkoll kif il-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla se jkomplu joffru sostenn lill-anzjani f’Malta u Għawdex. Huwa rrimarka li ż-żidiet b’saħħithom mill-ġdid fil-pensjonijiet saru sinonimi mal-budgets ippreżentanti mill-gvern Laburista.
L-anzjani Għawdxin eliġibbli għas-servizzi offruti f’Dar Padova jistgħu jimlew l-applikazzjoni li tinsab fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew miċ- Ċentru Servizz Anzjan fir-Rabat, Għawdex. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22788238.